Aġġornata | L-ewwel Malti milqut mill-coronavirus; Is-sintomi ħarġulu jumejn wara li wasal mill-Italja

Charmaina Gauci spjegat li anke jekk ir-raġel huwa tabib u jaħdem Mater Dei ma hemm l-ebda riskju li dan seta ħa l-virus mill-isptar

Il-Ministeru tas-Saħħa kkonferma li Malta għandha s-sitt pazjent tal-coronavirus u din id-darba huwa raġel Malti u mhux barrani bħall-każijiet preċedenti kkonfermati sa issa.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, waqt konferenza tal-aħbarijiet qalet li dan ir-raġel, li huwa tabib u jaħdem fl-Isptar Mater Dei, kien fuq btala l-Italja u meta wasal lura minnufih għamel il-kwarantina fid-dar u anke żamm 'il bogħod mill-familja tiegħu.

Spjegat kif ir-raġel telaq għall-btala fid-Dolomiti fl-1 ta' Marzu. Huwa wasal lura fit-8 ta' Marzu u fl-10 ta' Marzu ħarġulu s-sintomi. Dan ifisser li s-sintomi ħarġu fil-perjodu tal-inkubazzjoni.

“Ma hemm l-ebda riskju li dan il-persuna ħa dan il-mikrobu minn Malta,” insistiet Gauci. “Ma hemm l-ebda lok li dan seta’ ħa l-virus minn Mater Dei. Il-persuna kienet imsiefra l-Italja u hemm kien espost għall-virus.”

L-awtoritajiet ikkonfermaw ukoll li r-raġel ma daħalx għax-xogħol.

Kompliet tispjega kif miegħu kien hemm ukoll wieħed mit-tfal tiegħu. Dan lanqas ma mar skola u sa issa dan ma għandu l-ebda sintomi.

Spjegat li l-familja tiegħu, jiġifieri familja ta' ħamsa, ukoll għamlu l-kwarantina volontarja u issa, ġaldarba kienu viċin ir-raġel, intalbu jkomplu l-kwarantina b'mod obbligatorju.

Intant, familja oħra li siefru mar-raġel, jiġifieri kienu fl-istess żona, qed ikunu segwiti mill-awtoritajiet tas-saħħa. Dawn ukoll qed jagħmlu l-kwarantina.

Kollox jindika li r-raġel jinsab f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba. 

Fl-aħħar jiem, tifla ta' 12-il sena u l-ġenituri tagħha, Taljani iżda residenti Malta, irriżultaw fil-pożittiv. Ftit wara, irriżulta wkoll pożittiv raġel ta' 49 sena u t-tifla tiegħu. Anke dawn mhumiex Maltin iżda residenti Malta.

Gauci fakkret ukoll fil-miżuri li qed jittieħdu u li tħabbru lbieraħ mill-Prim Ministru Robert Abela.

Uħud mill-miżuri huwa dawn:

  • Minkejja li ma kienx hemm trażmissjoni f’Malta, tpoġġew restrizzjonijet fuq l-awtoritajiet tal-massa. Fil-miftuħ ma jistgħux isiru attivitajiet b’aktar minn 2,000 persuna u fil-magħluq ma jsirux attivitajiet fil-magħluq jekk għalihom ikunu se jattendu aktar minn 750 persuna.
  • Helpline: 111 – Qabel żur is-sit covid19.gov.mt
  • Italja kollha hija żona ta’ riskju – Kull min siefer fl-Italja huwa mħeġġeġ jagħmel il-kwarantina ta’ 14-il ġurnata. Jekk ikollhom sintomi għandhom minnufih jagħmlu kuntatt mal-awtoritajiet
  • Il-kwarantina tgħodd ukoll għal dawk li siefru lejn iċ-Ċina, Hong Kong, Shangai u l-Korea ta’ Fuq.

X’għandek tagħmel biex tevita?

  • Evita kuntatt ma’ nies morda speċjalment b’sogħla
  • Evita li tmur f’postijiet fejn huma maqtula annimali (biċċeriji...)
  • Aħsel idejk kemm jista’ jkun b’mod frekwenti
  • Segwi r-regoli tal-iġene fl-ikel
  • Evita kuntatt dirett mal-annimali u l-ħmieġ tagħhom

Charmaine Gauci appellat ukoll biex wieħed jevita wkoll li jieħu b'idejn in-nies jew joqgħod viċin ħafna ta' persuni oħra.

More in Politika