L-Air Malta se topera titjiriet limitati mill-Italja biex iġorr mediċina, merkanzija u biex tirritorna l-Maltin

Ir-ripatrijazzjoni se tkun ikkoordinata mill-Uffiċċju tal-Ministeru għall- Affarijiet Barranin u l-Affarijiet Ewropej

Wara li lbieraħ il-Gvern Taljan ħabbar li l-Italja kollha qed titpoġġa taħt kwarantina u wara l-projbizzjonijiet maħruġa mill-Gvern ta’ Malta, il-linja nazzjonali tal-ajru kkonfermat li ġew sospiżi t-titjiriet kollha tagħha minn u lejn l-Italja.

Il-Linja tal-Ajru qed tippjana li topera numru limitat ta’ titjiriet biex iġġorr provvisti mediċi urġenti għall-isptarijiet, il-merkanzija, u biex tirritorna residenti lura fil-Gżejjer. 

Fi stqarrija, intqal kif ir-ripatrijazzjoni se tkun ikkoordinata mill-Uffiċċju tal-Ministeru għall- Affarijiet Barranin u l-Affarijiet Ewropej. 

Ir-residenti jistgħu jikkuntattjaw dan l-uffiċċju fuq 00356 22042200 jew permezz ta’ imejl fuq [email protected]

Il-Linja tal-Ajru hija kontinwament f’kuntatt ma’ diversi Awtoritajiet u qed issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni li qed tevolvi. Hija se tħabbar kull bidla kif jkun meħtieġ. 

L-Air Malta se żżomm lill-klijenti tagħha aġġornati permezz tal-websajt tagħha www.airmalta.com u l-kanali tal-midja soċjali inkluż www.facebook.com/AirMalta/

Intant, anke l-kumpanija Ryanair ikkonfermat li qed tissospendi t-titjiriet kollha tagħha minn u lejn l-Italja.

More in Politika