Malta mal-inqas erba' pajjiżi fl-UE li għandu nisa fuq bordijiet

Malta ma tibbrillax fi statistika maħruġa mill-Eurostat dwar nisa f'pożizzjonijiet għolja f'kumpaniji

Malta ma tantx qed tibbrillla f'dak li għandu x'jaqsam ma' nisa f'pożizzjonijiet għolja fit-tliet gruppi ta' ċifri maħruġin mill-Eurostat.  Fil-fatt Malta tiġi t-tielet mill-aħħar f'dak li jirrigwarda nisa f'bordijiet b'10% biss. 

L-inqas pajjiżi li fihom hemm nisa fuq bordijiet fil-fatt huma l-Estonja u Ċipru b'9%, il-Greċja u Malta t-tnejn b'10%.  Ftit aħjar minnha hemm il-Litwanja bi 12%, il-Lussemburgu, l-Ungerija u r-Rumanija lkoll 13% kif ukoll iċ-Ċekja b'18%. 

Fuq livell Ewropew 28% tan-nisa huma membri ta' bordijiet, li jfisser illi pajjiżna jinsab 18% taħt din il-medja.

Għall-kuntrarju, l-iktar pajjiżi li għandhom nisa f'brodijiet huma Franza b'45%, l-Iżvezja b'38%, il-Belġju, il-Ġermanja u l-Italja b'36% u l-Olanda u l-Finlandja b'34%.

Intant Malta għandha fost l-aktar rati baxxi wkoll ta' nisa f'pożizzjoni ta' maniġer. F'Malta b'kollox 32% tan-nies f'din il-pożizzjoni huma nisa - daqs il-Greċja, il-Kroazja u l-Awstrija. L-inqas pajjiż fejn in-nisa għandhom din il-kariga hija Ċipru b'19%, il-Lussemburgu bi 23% , id-Danimarka (27%), l-Olanda (29%) u ċ-Ċekja u l-Ġermanja b'31%. 

B'53% il-Latvja huwa l-uniku stat membru fejn maġġoranza tal-maniġers huma nisa, segwit mill-Bulgarija (49%), il-Polonja (48%), L-Estonja (46%) u l-islovenja (44%).

Malta taqbeż biss il-medja Ewropea fil-każ ta' senior executives nisa.

 

More in Politika