BirdLife: 'l-infurzar tal-liġijiet ambjentali għandu jingħata l-prijorità'

Il-BirdLife tgħid li hi lesta biex taħdem mal-Ministri l-ġodda Aaron Farrugia u Anton Refalo

Fi stqarrija li ħarġet il-BirdLife, qalet li temmen li l-konservazzjoni u l-ħarsien tal-għasafar, il-bijodiversità u l-ambjent naturali għandha tibqa' taħt il-Ministru tal-Ambjent. Żiedet tgħid ukoll li kienet mħassba dwar it-triq ’il quddiem fl-ambitu tal-obbligi u rresponsabilitajiet Ewropej u internazzjonali ta’ Malta.

BirdLife enfasizzat li kien kruċjali li l-infurzar tal-liġijiet ambjentali, inkluż il-liġijiet dwar l-għasafar jingħata prijorità sabiex kif qalet hi "jiġu mrażżna l-illegalitajiet kontinwi li baqgħu jiżdiedu mingħajr l-ebda infurzar effettiv għal dawn l-aħħar snin." Semmiet ukoll li n-numru tal-għasafar protetti li kienu qed jinqatlu kien qed jiżdied. "Allura" qalet il-BirdLife, "il-Wildlife Crime Unit għandu jiffoka fuq dawn it-tip ta’ reati kriminali flimkien ma’ taqsima għall-infurzar fi ħdan il-Ministeru tal-Ambjent."

Il-BirdLife fakkret ukoll li bħala parti mill-UE, Malta għanda diversi obbligi fosthom id-Direttivi Ewropej tal-Għasafar u l-Ħabitati. Ma dan żiedet qalet li l-ksur ta’ dawn l-obbligi ma setgħax ikun iġġustikat.

Il-BirdLife semmiet ukoll li Malta u Għawdex għandom bżonn aktar żoni peotetti u li jkun hemm żgurar ta' dawn iż-żoni protetti, biex igawdu minnu il-pubbliku.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana ikkonkluda l-istqarrija billi qal li "Il-Gvern għandu obbligu soċjali li jħares dan. Illum aktar minn qatt qabel, il-poplu ta’ Malta u Għawdex qed isemma’ leħnu fuq ilħtieġa li nħarsu l-ambjent u li nħallu lil kulħadd fil-libertà li jgawdih mingħajr ma jeqirdu, joqtlu jew itellef l-opportunità lill-oħrajn li jgawduh."

 

More in Politika