Analiżi | Il-kabinett: Riċetta żagħżugħa, riskjuża li ħalliet xi ftit tal-qrusa

Il-Kabinett: Iż-żgħażagħ li fuqhom se jidher illi se jiddependi s-suċċess. Dawk li ħadu promozzjoni u kien ħaqqhom u fuq kollox l-qrusa li Robert Abela jeħtieġ jieħu ħsieb jekk ma jridx inkwiet ...

Din kienet il-ġimgħa ta’ Robert Abela u bla dubju l-ġimgħa illi matulha sirna nafu aħjar minn xiex hu magħmul Abela u x’tip ta’ Prim Ministru jista’ jkun. 

F’dan l-ispazju se nagħtu ħasra lejn il-formazzjoni tal-Kabinett tiegħu: l-aqwa deċiżjonijiet li ħa u deċiżjonijiet oħra li huma xi ftit jew wisq dubjużi jew inkella aħjar li għad iridu jkunu ġġudikati biż-żmien. 

Byron: Is-sorpriża 

Definittivament illi l-akbar sorpriża kienet dik li permezz tagħha Byron Camilleri se jsir il-Ministru tal-Intern, Ministeru li kien fl-għajn ta’ ħafna kritika minħabba l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. 

Il-kritika kienet ukoll dwar dak li deher bħala inazzjoni mill-Korp fuq rapporti mill-FIAU kontra Keith Schembri, Konrad Mizzi u anke Adrian Delia. 

Il-promozzjoni ta’ Camilleri minn Whip għal Ministru tal-Intern, hija waħda kbira u se tpoġġi ħafna toqol fuq spallejh. Il-mistoqsija tibqa’: jiflaħ għal din it-tagħbija? 

Minn barra u prima facie, Camilleri jidher onest u żgur li huwa nadif, politikament, tant li qatt ma qamu kontroversji jew saru allegazzjoniijiet serji fil-konfront tiegħu.

Naturalment dan huwa bidu u se jkollu bżonn ukoll rieda qawwija biex jerġa’ jrebbaħ il-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija, jagħmel il-Korp aktar pro-attiv fejn jidħlu akkużi u rapporti, jiddeċiedi jew ikollu sehem qawwi fuq kif ikun maħtur Kummissarju tal-Pulizija u kif il-Korp tal-Pulizija se jtejjeb l-abbilitajiet komunikattivi tiegħu. 

Byron Camilleri mhuwiex l-eċċezzjoni, anzi huwa n-norma f’din l-akbar bidla f’Kabinett Laburista, għax jidher li Abela ried li jimla l-kabinett bil-ġenerazzjoni l-ġdida, il-ġenerazzjoni tiegħu. 

Aaron Farrugia: Ambizzjuż u nadif bi sfidi quddiemu

Aaron Farrugia, ukoll politiku żagħżugħ u nadif, se jingħata Ministeru ieħor kbir ħafna u jaħraq. L-ambjent, l-Ippjanar u l-Bidla fil-Klima. 

L-ambjent huwa wieħed mis-suġġetti illi fih il-Gvern Laburista qala’ ħafna kritika, minħabba politiki tal-Awtorità tal-Ippjanar li qajmu kontroversja bħal dik dwar bini abbandunat f’żoni illi fihom ma jistax isir żvilupp (ODZ), kritika minħabba qtugħ ta’ siġar u anke permessi u bini tiela’ “kullimkien”. 

Farrugia se jkollu jipprova jilħaq bilanċ delikat bejn realtajiet, bżonnijiet u aspettattivi differenti. 

Huwa pożittiv li d-dekasteri tal-ippjanar u l-ambjent tpoġġew flimkien, imma Farrugia se jkollu jibda jigdem u jieħu deċiżjonijiet malajr kemm jista’ jkun għal titjib fl-ambjent urban, jekk irid verament ikun il-vuċi b’saħħitha li dan id-dekasteru għandu bżonn. 

Farrugia kien Ministru ġeneralment iktar ‘low key’, effettiv, ambizzjuż u li qagħad ’il bogħod mill-kontroversji. 

Silvio Schembri
Silvio Schembri

Silvio: wieħed mill-favoriti

U finalment Silvio Schembri. Il-Ministru tal-Ekonomija u l-linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta żgur illi kien wieħed mill-favoriti biex jieħu Ministeru, l-aktar minħabba qafas legali uniku li jirregola l-Blockchain u s-servizzi tal-Crypto Currencies.

Schembri huwa meqjus bħala persuna li jwettaq anke jekk għadu relattivament ġdid fil-Partit. Bla dubju, il-portafoll li se jkollu Schembri huwa wieħed kbir u pjuttost kruċjali għal Gvern li qabel kollox, għamel suċċessi kbar fl-ekonomija. 

Kwalunkwe tnaqqis, sa issa mhux previst, jaqa’ fuq riġlejn  Schembri issa. 

L-Air Malta jidher li bdiet it-triq tal-fejqan, għalkemm għad hemm xi jsir.

Destin kważi marbut ma’ tliet żgħażagħ

F’kull wieħed minn dawn il-każi għad irridu naraw jekk hux se jsiru tibdiliet ukoll f’nies li jmexxu entitajiet pubbliċi u min se jkunu. 

Li hu ċert huwa li t-triq se tkun għat-telgħa u dawn it-tlieta se jkollhom ħafna għajnejn iħarsu lejhom.  Fil-fatt naslu ngħidu li d-destin politiku u Ministerjali ta’ dawn huwa marbut intrinsikament mas-suċċess tal-Kabinett ta’ Abela u l-għażla tiegħu ta’ Kabinett żagħżugħ. 

Konrad Mizzi ma jsibx postu fil-kabinett
Konrad Mizzi ma jsibx postu fil-kabinett

Il-mażriet li ħalla barra

Jekk xejn fl-ewwel ftit sigħat Abela indika li se jkun pjuttost bla kantunieri u rispetti fejn jirrigwarda nies li jistgħu jkinu mazzra m’għonqu. 

Konrad Mizzi, kif mistenni, tħalla barra mingħajr poteri Ministerjali u probabbilment mingħajr wisq prospetti ta’ karigi f’entitajiet, għalissa għallinqas. 

Mizzi kien involut fl-ikbar imbarazzament ta’ Gvern Laburista u l-aktar kwistjoni li għamlitlu ħsara: Il-Panama Papers. Żgur illi Silvio Schembri huwa għażla ħafna iktar sigura. 

Keith Schembri jidher li se jitħalla fl-abbandun u magħhom niżel Chris Cardona li ngħata Ministeru li hu ma aċċettax. Il-possibbilità u l-probabbilità kienet illi dan kien offrut Ministeru li kien ikun ifisser demozzjoni u li hu ma kienx se jaċċetta. 

Chris Cardona
Chris Cardona

Cardona, kien fl-għajn ta’ ħafna kritika u każi imbarazzanti għalih u għall-Gvern, mhux l-inqas dak ta’ allegata żjara, sa issa qatt ippruvata, f’burdell f’Acapulco, l-istqarrija tiegħu dwar il-mannara, interrogazzjoni fid-Depot b’rabta mal-asssassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-famuża ittra anonima mogħtija lill-membri tal-Kabinett li titfa’ r-responsabilità tal-assassinju fuqu. 

Cardona kien kontroversjali ukoll meta fetaħ mandat ta’ sekwestru kontra Daphne Caruana Galizia, effettivament jiffriżalha l-flus kollha tagħha. 

Din l-azzjoni, anke jekk forsi kienet ġejja minn rabja ġġustifikata, mhux biss kienet sproporzjonata imma tefgħet ukoll dawl ikrah ħafna fuqu u dellijiet ta’ dubju fir-rigward tal-qtil ta’ Caruana Galizia. 

Bla dubju Silvio Schembri huwa ħafna iktar sigur, politikament. 

Promozzjonijiet mistħoqqa

Bla dubju li kien hemm promozzjonijiet li kienu mistħoqqa, ta’ nies li kienu ilhom jistennew fuq il-backbench u li għamlu suċċess fl-elezzjonijiet. 

Rosianne Cutajar ippilotat l-Att li llegalizza u bena qafas regolatorju għall-Kremazzjoni. 

Rosianne se tkun qed tokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi. Fl-ugwaljanza m’hemmx dubju li Cutajar taf tagħmel biċċa xogħol tajba anke bħala persuna pjuttost liberali u voċifera fuq id-drittijiet tal-bniedem.                                          Fuq ir-riformi, wieħed għad irid jara liema se jkunu mogħtija lilha u jekk tkunx lesta li tagħmel bidliet li jistgħu jagħmluha politiku inqas popolari. 

Rosianne Cutajar
Rosianne Cutajar
Clayton Bartolo
Clayton Bartolo
Alex Muscat
Alex Muscat

Hija kienet eletta fl-2017 għall-ewwel darba, kif kien Stefan Zrinzo Azzopardi wkoll li kien  elett mill-ħames distrett.  Zrinzo Azzopardi huwa ġdid fil-Kabinett pero mhux fil-partit hekk kif għamel 10 snin, mill-2003 sal-2013. President tal-Partit Laburista.

Zrinzo Azzopardi huwa wiċċ kompletament ġdid għall-Kabinett u se jkun responsabbli mill-Affarijiet Ewropej. 

Bħal Alex Muscat, li se jkollu ċ-ċittadinanza u anke Clayton Bartolo bl-Innovazzjoni, huwa xi ftit ta’ kaxxa magħluqa u allura wieħed irid jara dawn x’se jsarrfu ladarba jibda jgħaddi ż-żmien. 

Edward Zammit Lewis, minkejja li baqa’ Ministru ngħata kariga xi ftit iktar prestiġjuża u li probabilment niżlet ħafna aħjar miegħu, bħala avukat.

Il-kabinett: Riċetta żagħżugħa, riskjuża li ħalliet xi ftit tal-qrus sa

L-aqwa ħaġa li għamel Muscat biex illoppja kull forma ta’ oppożizzjoni li kellu jew kien se jkollu huwa billi ħalla lil kulħadd kuntent, min b’ċejċa u min b’żejża ħalib.  

Fil-formazzajoni tal-Kabinett, Abela ħoloq żewġ problemi. Ħoloq qrusa minn dawk li ma ħadu xejn  jew saħansitra tneħħew mill-kabinett u sab qrusa lesta, prattikament fid-deher, ta’ Chris Fearne li sofra telfa pjuttost umiljanti. 

Abela se jkollu jara kif se jikkalma dawn l-ilmijiet li għalissa huma kalmi imma li jistgħu jitqallbu meta l-affarijiet ma jibqgħux daqshekk faċli. 

Joe Mizzi jitħalla barra mill-kabinett
Joe Mizzi jitħalla barra mill-kabinett

Għandu ċertament rabja u dwejjaq minn Anton Refalo, l-aktar kandidat li kiseb voti fit-13-il distrett u li spiċċa l-unika wieħed li ma ngħata xejn. Żgur li se jkollu xi ftit antipatija minn Birkirkara, b’Cardona li tħalla barra (hu qal li kienet l-għażla tiegħu) u mbagħad hemm Fearne li ma jidhirx li għandu xi entużjasmu wara telfa mhux mistennija bi proporzjon inqas u inqas mistenni. Id-Deputat PM m’għinx fid-dehriet pubbliċi bex jikkontradixxi din l-idea u din taf tagħmel ħsara lilu u lill-Gvern. 

Hemm ukoll it-tneħħija ta’ Joe Mizzi minn Ministru, l-unika wieħed fit-Tieni Distrett (Joseph Muscat ħareġ f’dan id-distrett fl-2017).

Abela jeħtieġ joqgħod attent għax dawk kollha li huma jew se jkunu rrabjati għalih għax ħalliehom fil-ġenb, għandhom punt ta’ referenza u spalla ikbar minn tiegħu: Joseph Muscat. 

More in Politika