Infrastructure Malta ħawlet 8,719-il siġra fl-2019

L-Infrastructure Malta ħawwlet dawn is-siġar f'18-il lokalita' differenti u ħawwlet madwar 2000 iktar siġra mill-mira oriġinali

Fl-2019, Infrastructure Malta (IM) ħawlet 8,719-il siġra indiġena f’40 post fi 18-il lokalità madwar Malta.

Skont stqarrija li ħarġet, din l-inizjattiva hija parti minn investiment ambjentali ta’ aktar minn €1 miljun li jinkludi wkoll programm fit-tul għall-kura u t-tisqija ta’ dawn is-siġar sakemm adattaw ruħhom fl-ambjent tagħhom. Infrastructure Malta kompliet tgħid li l-aġenzija qed taħdem biex matul din is-sena testendi dan il-programm billi tħawwel aktar siġar f’inħawi oħrajn f’Malta.

Skont din l-istqarrija, kmieni s-sena li għaddiet, Infrastructure Malta stiednet lill-kunsilli lokali, għaqdiet mhux governattivi u entitajiet oħrajn biex jipproponu spazji pubbliċi fit-toroq u żoni oħrajn urbani kif ukoll rurali li setgħu jiġu msebbħin b’siġar ġodda.

Wara li evalwaw il-proposti li saru, l-arboristi tal-aġenzija ħejjew pjanijiet fejn indikaw l-ammont ta’ siġar li għandhom jitħawlu u ta’ liema speċi huma l-iżjed adattati għal kull sit. Ix-xogħlijiet bdew fis-sajf u intensifikaw fl-aħħar kwart tas-sena, li huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-aħjar żminijiet għat-tħawwil tas-siġar. F’uħud mil-lokalitajiet, qabel ma tħawlu s-siġar ġodda, Infrastructure Malta għamlet ukoll xogħlijiet strutturali u ta’ tindif biex tejbet il-kwalità tal-ħamrija.

Oriġinarjament, kien immirat li sa tmiem l-2019 kellhom jitħawlu 6,700 siġra ġdida. Minkejja dan, Infrastructure Malta, flimkien ma’ organiżżazzjonijiet oħra  żergħu 2,000 siġra oħra għall-istess perjodu ta’ żmien.

L-arboristi ta’ Infrastructure Malta użaw varjetà ta’ madwar 30 speċi ta’ siġar indiġeni differenti għall-40 post fejn sar it-tħawwil. Din l-għażla saret skont il-kundizzjonijiet ambjentali differenti ta’ kull sit. Is-sigar li tħawlu kienu jinkludu il-bruka, iż-żebbuġ, iċ-ċipress, il-ballut, iż-żnuber, ir-rihan, l-għargħar u l-ħarrub, fost oħrajn.

Is-siġar tħawlu fi 18-il lokalità differenti, fosthom Ħ’Attard, Birkirkara, Birżebbuġa, Ħad Dingli, Ħal Safi, il-Kalkara u ż-Żejtun. Infrastructure Malta se tħawwel aktar siġar f’lokalitajiet oħra fix-xhur li ġejjin.

Uħud mis-siġar tħawlu f’żoni ġodda bis-siġar u pjanti oħrajn li Infrastructure Malta qed toħloq fi proġetti ta’ titjib fit-toroq arterjali. Din l-istqarrija tgħid ukoll li l-kuntratturi tal-aġenzija se jkomplu jsaqqu u jieħdu ħsieb dawn is-siġar għal diversi snin, taħt il-ħarsien ta’ arboristi u esperti oħrajn ambjentali, sakemm ikun żgurat li s-siġar ikunu adattaw ruħhom fl-ambjent ġdid tagħhom. L-Infrastructure Malta qalet ukoll li f’każ li x’uħud minnhom ma jgħixux,  hi se terġa’ tħawwel oħrajn flokhom.

L-Inġinier Fredrick Azzopardi, Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, spjega li permezz tal-proġetti li qed tagħmel fit-toroq arterjali, residenzjali u rurali, l-aġenzija qed timmira li toħloq infrastruttura aktar sigura, effiċjenti u sostenibbli li ssostni l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż waqt li tipprovdi titjib fil-kwalità tal-arja, ambjent aħjar u kwalitá ta’ ħajja aħjar.

Azzopardi qal li “b’din l-inizjattiva għal aktar siġar li wettaqna fl-2019, tajna lin-nies ambjent isbaħ barra mid-djar u l-postjiet tax-xogħol tagħhom u matul ir-rotot li jgħaddu minnhom ta’ kuljum. Inħeġġu lill-kunsilli lokali, organizzazzjonijiet jew individwi interessati biex jipproponulna siti pubbliċi ġodda fejn nistgħu nħwalu aktar siġar matul l-2020 u fis-snin ta’ wara.”

More in Politika