‘Il-Prim Ministru kien jaf li kien hemm trust u an underlining company.’ Hekk kien qal Konrad Mizzi lill-Maġistrat Aaron Bugeja (illum Imħallef) fix-xhieda tiegħu fl-inkjesta dwar Egrant.
Dan ifisser li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien jaf bit-trust Rotorue fi New Zealand u bil-kumpanija Hearnville fil-Panama qabel ma faqqgħu l-Panama Papers.
“Kont spjegajtlu r-raġunijiet qabel ma ħarġet il-midja u qabel ma ġara xejn minn dan,” insista l-eks Ministru Konrad Mizzi fix-xhieda tiegħu.
Filwaqt li insista li waqqaf din il-kumpanija għal raġunijiet familjari u ċaħad li fiha qatt saru tranżizzjonijiet, wisq inqas mill-familja Alijev tal-Ażebajġan, Konrad Mizzi insista mal-Maġistrat li “filwaqt li ma sar xejn illegali,” illum jifhem li ma jmissu qatt għamel li għamel.
“X’ħin rajt is-sentiment pubbliku fuqha, jiena għidt kont qed inwettaq, kont qed naħdem lejl u nhar biex nagħmel differenza f’dan il-pajjiż u ma ridtx nitlaq, ma ridt inħalli xejn li jista’ jimmina l-kredibilità futura tagħna, la tiegħi u lanqas tal-Gvern u għaldaqstant tlabt kumpanija indipendenti biex tagħmel audit u fl-aħħar iddeċidejt li nillikwida l-kumpanija,” saħaq Konrad Mizzi.