Delia jgħid li Muscat iggranfa mas-siġġu tal-poter u qed iżomm lill-pajjiż ostaġġ

Adrian Delia qal dan ftit wara li ħarġet l-aħbar li l-Prim Ministru se jirriżenja f'Jannar meta l-Partit Laburista jkollu mexxej ġdid

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li llum, il-Prim Ministru Joseph Muscat minflok poġġa l-interess nazzjonali l-ewwel, poġġa lilu nnifsu u lil dawk viċin tiegħu, l-ewwel u qabel kollox.

Delia qal dan f'messaġġ li xxandar fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista wara li sar magħruf li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista qabel li Muscat jibqa' Prim Ministru sa Jannar, sakemm il-Partit Laburista jkollu mexxej ġdid.

"Muscat iggranfa mas-siġġu tal-poter," saħaq Delia. Insista li Malta spiċċat "ostaġġ ta' nies li ħolqu kriżi kostituzzjonali" u li "Muscat huwa l-problema."

Bl-istess mod li l-Prim Ministru pproteġa lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi, illum il-Grupp Parlamentari Laburista pproteġa lil Muscat Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia

Filwaqt li fakkar fis-sejħiet tal-midja, tal-korpi kostitwiti, tas-soċjetà ċivili u tal-Oppożizzjoni nnifisha, appella lil Muscat biex jirriżenja minnufih.

"Bl-istess mod li l-Prim Ministru pproteġa lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi, illum il-Grupp Parlamentari Laburista pproteġa lil Muscat," insista l-Kap tal-Oppożizzjoni.

"Minflok telaq, ħassu komdu li japponta ministru li akkuża lill-Gvern tiegħu stess bi frame-up. Ministru taħt inkjesta maġisterjali," kompla Delia b'reazzjoni għall-fatt li Chris Cardona reġa' sab postu fil-Kabinett wara li ssospenda lilu nnifsu.

Kien hawn li Delia insista li Muscat tilef il-leġittimità u għalhekk saħaq li la għandu jappunta Ministru u lanqas jibqa' kariga.

"Il-poplu ma jistax iserraħ rasu li se ssir ġustizzja u wisq inqas tidher li ssir," temm jgħid Delia. "Joseph Muscat huwa ċertezza li ma ssirx ġustizzja."

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jattendi għall-protesta tal-lum fil-Belt Valletta.

More in Politika