Il-PN isejjaħ għal seduta tal-Parlament b'urġenza llejla ... il-Gvern ma jaċċettax

Il-PN jitlob għar-riżenja ta' Joseph Muscat wara l-aħħar żviluppi li nkludew mistoqsijiet fid-Depot lill-Ministru Chris Cardona

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista llum iltaqa’ b’urġenza fuq talba tal-Kap tal-partit Adrian Delia biex jiddiskuti l-aħħar żviluppi fl-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Grupp Parlamentari reġa' saħaq li f’dan il-mument delikat "kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbilità fl-interess ta’ Malta u tal-Maltin u l-Għawdxin."

Il-PN kompla jgħid li fiċ-ċirkostanzi li qed jiżviluppaw, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia bl-appoġġ tal-Grupp Parlamentari talab li l-Parlament jiltaqa' b’urġenza llum biex jiddiskuti din is-sitwazzjoni "li hija materja definita ta’ importanza pubblika urġenti."

Delia kompla jisħaq illi l-arrest ta' Yorgen Fenech, il-persuna li takkuża b'tixħim maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u mal-Ministru Konrad Mizzi. U għall-ewwel darba jitlob lil Joseph Muscat jirriżenja. Il-PN sostna li "l-Prim Ministru Joseph Muscat tilef kull awtorità morali biex imexxi lil pajjiżna għax ilu għal snin twal jaħrab mir-responsabbilitajiet politiċi. Imma issa ma’ kull minuta li tgħaddi Joseph Muscat mhux qed jibqagħlu iżjed fejn jaħrab."

​"L-investigazzjonijiet li għaddejjin għandhom ikunu ħielsa minn kull forma ta’ inkwinament. Dan ir-riskju jeżisti minħabba li persuni, inkluż il-Prim Ministru nnifsu, li huma involuti fl-iżvolġiment ta’ dawn l-investigazzjonijiet jistgħu jkunu huma jew nies qrib tagħhom persuni ta’ interess fl-istess investigazzjonijiet. 

Il-PN temm jgħid li pajjiżna qed ibati l-konsegwenza ta’ mġiba "korrotta u kriminali ta’ nies viċin il-Prim Ministru, nies li l-Prim Ministru baqa’ jipproteġi sal-ġurnata tal-lum."

' Diskussjoni ladarba l-pulizija jikkonkludu' - il-Gvern

Minkejja dan il-Ministru Chris Fearme, f'isem il-Gvern innota li t-talba tal-PN ma tinkludi ebda mozzjoni minn naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar is-suġġett imsemmi minnu. "Minn naħa tal-Gvern, waqt illi napprezza s-serjetà tas-sitwazzjoni, nirrepeti dak li qal il-Prim Ministru fil-Kamra tar-Rapreżentanti nhar l-Erbgħa 20 tax-xahar, jiġifieri li l-Gvern bi ħsiebu jitlob lill-Parlament jagħmel diskussjoni sħiħa dwar dan la darba l-pulizija jkunu kkonkludew x-xogħol tagħhom, u dan sabiex f’dan l-istadju delikat ma jsir xejn li jista’ jtellef minn din l-investigazzjoni importanti."

 

More in Politika