“Ir-raba’ Rivoluzzjoni Industrijali nistgħu mmexxuha aħna” tgħid l-Ewroparlamentari Cutajar

Il-MPE Josianne Cutajar tindirizza l-Huawei European Innovation Day

F’dinja ta’ inċertezzi u tħassib dwar il-futur, l-Unjoni Ewropea għandha tieħu r-riedni f’idejha u tmexxi rivoluzzjoni industrijali li tirrifletti l-valuri tagħna.

Dan saħqitu l-Membru Parlamentari Ewropew  Josianne Cutajar, hekk kif indirizzat il-Jum Ewropew għall-Innovazzjoni, attività organizzata mill-ġgant teknoloġiku Huawei. Cutajar, li fl-ewwel mandat tagħha diġà ngħatat portafolji importanti fil-qasam tal-politika diġitali, ir-riċerka, u l-innovazzjoni, indirizzat dan l-avveniment importanti billi tkellmet fuq kif l-innovazzjoni tista’ tkun iċ-ċavetta biex il-kontinent tagħna jmexxi l-politika globali tal-ġejjieni.

“Iċ-ċittadini li nirrappreżentaw jistennewna li nieħdu azzjoni, u li fuq kollox l-azzjoni twassal għat-titjib tal-ħajja tagħhom,” stqarret Cutajar, hekk kif tkellmet dwar is-Sovranità Diġitali Ewropea, li skont l-istess Cutajar, hi ċ-ċavetta ewlenija sabiex il-kontinent tagħna jmexxi l-politika diġitali.

Din is-sovranità, spjegat il-MPE, tirrikjedi ambizzjoni, u ħidma ffukata u koordinata. Il-Membru Parlamentari Ewropew hawnhekk ħeġġet kollaborazzjoni sħiħa bejn l-iStati Membri kollha sabiex tinħataf din l-opportunità unika biex titmexxa r-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali.

Hi ħeġġet iktar investiment fit-taħriġ tal-ħaddiema Ewropej, u dan sabiex ikollna l-aqwa talent fl-innovazzjoni fil-pajjiżi tagħna stess, li jwassal biex noħolqu l-prodott Ewropew u niddependu anqas mill-prodott barrani filwaqt li sejħet għal regolazzjoni bilgħaqal, li ġġib kjarezza legali, u tistabbilixxi biċ-ċar il-valuri Ewropej.

Fid-diskors tagħha,  Cutajar ma qagħditx lura milli tirreferi għal ħtieġa ta’ aktar rieda tajba mill-kompetituri tal-Ewropa fil-qasam diġitali. “Nistennew li nkunu reċiproċi,” qalet, b’referenza għall-fatt li individwi u intrapriżi Ewropej li jippruvaw jippenetraw swieq internazzjonali fil-qasam diġitali, mhux dejjem jingħataw l-istess aċċess u trattament li jgawdu minnu intrapriżi u individwi minn pajjiżi terzi fl-Ewropa.

Fi sfond ta’ gwerra tal-kummerċ bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, hija sejħet għas-sinerġiji minflok is-sanzjonijiet u t-trasparenza minflok tariffi. Trid tkun attitudni pożittiva, fi kliem il-Membru Parlamentari Ewropew Maltija, li tmexxina ‘l quddiem għax il-pika mhix se tgħin il-progress tagħna.

“Il-kontinent tagħna dejjem kien protagonist. Ejja nerġgħu nkunu protagonisti, u nassiguraw li mmexxu fil-qasam diġitali billi nkunu innovattivi, billi nirregolaw bil-għaqal u billi nikkollaboraw,” temmet tgħid il-MPE Laburista/ 

More in Politika