Il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà se jixhdu fil-każ tal-interċetti telefoniċi

Wieħed mis-suspettati fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia qed jargumenta li dawn l-interċetti huma 'illegali'

Il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà u l-Ispettur tal-Pulizija li jmexxi l-iskwadra tal-omiċidji, Keith Arnaud, se jixhdu fil-każ kostituzzjonali li fetaħ wieħed mill-akkużati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

George Degiorgio magħruf bħala 'ċ-Ċiniż', qed jargumenta li d-drittijiet tiegħu nkissru meta l-Pulizija nterċettat it-telefonati tiegħu. Saħansitra huwa talab biex dawn it-telefonati interċettati “b’mod illegali” ma jibqgħux jitqiesu bħala parti mill-evidenza.

Fis-seduta tal-lum, l-avukat tiegħu William Cuschieri talab sabiex il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà ta' Malta, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Ispettur li jmexxi l-iskwadra tal-omiċidji Keith Arnaud jixhdu fil-każ. 

Il-Qorti mistennija tisma' din ix-xhieda aktar tard dan ix-xahar.

Ta’ minn ifakkar li l-ġimgħa l-oħra l-istess Degiorgio ngħata l-permess sabiex jappella d-deċiżjoni tal-Qorti li kienet ċaħdet it-talba tiegħu sabiex ikunu sospiżi l-proċeduri kriminali legali kontrih sakemm tiġi żgurata l-legalità tal-interċetti telefoniċi.

More in Politika