Aġġornata | Ryan Callus jirriżenja mill-Bord tal-Awtorità tal-Artijiet

Din ir-riżenja ssegwi dik tad-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli minn rappreżentant tal-Oppożizzjoni fl-Awtorità tal-Ippjanar

Fi stqarrija d-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus ħabbar li se jkun qed jirriżenja minn membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet

Skont l-istqarrija din id-deċiżjoni ħadda fid-dawl ta' "ndħil sfaċċat u bla preċedent min-naħa tal-Gvern fil-ħidma tal-Bord u tal-istess Awtorità, u wara li l-Gvern ħa deċiżjonijiet importanti minn idejn il-Bord u poġġihom f'idejn iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Artijiet James Piscopo."

Il-PN qal li, "Callus ħass li ma setgħax ikun kompliċi f'manuvri intiżi biss biex igawdu erbgħa magħżula b'detriment għal bqija tal-poplu." 

Din ir-riżenja ssegwi dik tad-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli minn rappreżentant tal-Oppożizzjoni fl-Awtorità tal-Ippjanar nhar il-Ħadd li għadda.

Mħasseb fuq 'il-logħba politika li qed tilgħab l-Oppożizzjoni."

Intant fi stqarrija b'reazzjoni ta' dan kollu l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li jinsab mħasseb fuq il-logħba politika li qed tipprova tilgħab għad-dannu tal-istituzzjonijiet."

"Il-kwistjoni prinċipali hija l-kredibbiltà u l-Oppożizzjoni hija nieqsa minnha," qal Borg. Kompla jispjega kif, "fid-29 ta’ Ottubru 2019, meta kien qed jitkellem fil-Parlament, il-Membru Parlamentari Callus wera nuqqas ta’ qbil ma’ deputata oħra tal-Oppożizzjoni, li qalet li l-partiti m’għandhomx jibqgħu bir-rappreżentanti tagħhom fl-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Artijiet. MP Callus iġġustifika li hu għandu jibqa’ membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet biex jassigura trasparenza."

Skont il-Ministru, "din l-istqarrija fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż saret wara li ttieħdet id-deċiżjoni li suppost għaliha r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni rriżenja."

Żied jgħid li d-deċiżjoni dwar funzjonijiet tal-Kap Eżekuttiv ilha fis-seħħ mid-9 ta’ Awwissu li għadda, kważi 3 xhur ilu.

Fl-aħħar nett huwa appella sabiex, "l-Oppożizzjoni timxi b’koerenza u mhux tibdel il-pożizzjoni tagħha bla ġustifikazzjoni, u tmeri dak li tkun għadha kif qalet fil-Parlament."

 

More in Politika