‘Trid tkun salesman biex iġġib l-investiment mhux biex tbigħ il-passaporti’ – Delia jgħid lil Muscat

Delia jisħaq li anke fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti l-ekonomija kienet tikber aktar mill-medja tal-UE u dan mhux bil-ħaddiema barranin

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lill-Prim Ministru biex jieħu l-passi kollha li hemm bżonn biex jerġa’ jibni mill-ġdid ir-reputazzjoni tal-pajjiż.

Waqt ir-replika tiegħu għall-Baġit 2020, Delia ddedika parti kbira mid-diskors tiegħu biex jitkellem fuq dak li hu sejjaħlu “defiċit istituzzjonali” fil-pajjiż u li, fi kliemu, qiegħed jaffettwa b’mod negattiv l-aktar setturi importani għall-ekonomija tal-pajjiż.

Kien hawn li Delia indirizza direttament lill-Prim Ministru u appellalu biex “ikun salesman” ħalli jġib investiment serju lejn pajjiżna u mhux biex ibigħ il-passaporti.

Irrefera kemm għas-setturi tas-servizzi finanzjarji, għas-settur tal-gaming u anke għas-settur bankarju u kkwota minn diskorsi ta’ stakeholders differenti, fosthom il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC, li ilmentaw u tħassbu dwar ir-reputazzjoni tal-pajjiż.

Fi kliem Delia, Muscat mhux qed jagħmel xejn biex jagħti l-konfort Ii l-affarijiet se jitranġaw, waqt li fakkar fir-rapport tal-Moneyval u r-riskju, li fi kliemu, Malta tista’ tispiċċa fil-lista s-sewda.

“Irrikonoxxu li għandna settur li jrendi ‘l fuq minn 20% li qiegħed jikkollassa minħabba r-reputazzjoni fejn pajjiżna ġie kkalpestat wara snin igawdi l-aqwa reputazzjoni fid-dinja,” qal Delia lill-membri tal-Gvern bilqiegħda quddiemu.

Kien hawn li tenna s-sejħa tal-Oppożizzjoni biex il-Prim Ministru jieħu l-passi meħtieġa u jibda l-ewwel u qabel kollox billi jneħħi lill-Ministru Konrad Mizzi.

Appella lill-Gvern li l-Oppożizzjoni lesta tgħinu “anke barra minn Malta” iżda insista li l-ewwel pass irid ikun tal-Gvern.

Ikkritika wkoll lill-Qrati, b’Delia jisħaq li l-għajta tal-meritokrazija, inbidlet f’waħda li biex timxi ‘l quddiem irid ikollok “il-ħbieb tal-ħbieb.”

Kien hawn li reġa’ kkritika lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għax fi kliemu “suppost qed iħares l-interessi tan-nies, iżda minflok qed jiskot u jkun kompliċi ta’ dak li jgħidulu ta’ Kastilja.”

Fakkar fil-każ Egrant u insista li l-Ministri Scicluna, Mizzi u Cardona "ngħataw tieqa" biex ma jikkrimanilizzawx lilhom infushom.

Saħaq li l-Avukat Ġenerali kien xehed taħt ġurament li r-rapport tah biss lil numru żgħir ta’ nies u rriżulta “li dak id-dokument għandu l-Partit Laburista u l-Gvern kollu.”

'Anke fi żmien Gvernijiet tal-PN l-ekonomija kibbret aktar mill-medja tal-UE'

L-ewwel parti tad-diskors tiegħu, il-Kap Nazzjonalista ddedikah biex jitkellem dwar il-ħaddiema barranin f’pajjiżna u tenna dak li l-Oppożizzjoni ilha tgħid, jiġifieri li l-uniku pjan tal-Gvern huwa li jkabbar l-ekonomija bil-barranin.

Insista li Joseph Muscat ma għandu l-ebda proġett. Saħaq li Muscat ma jġibx il-barranin biex iwettaq xi proġett, iżda l-proġett ta’ Muscat huma l-barranin, għax, fi kliemu, ma għandu xejn aktar proġetti x’joffri.

“Mhux qed iġibu t-tagħlim u l-esperjenzi biex l-ekonomija tagħna tikber u titgħallem. Dan mhux investiment. Dan mhux bżonn għax qed naħdmu fuq xi ħaġa, iżda huwa l-uniku metodu tal-Gvern li biex kapaċi jkabbar l-ekonomija tagħna,” insista Delia.

Ikkritika diskorsi tal-Gvern u saħaq li għal kull problema li għandu, kemm jekk il-pensjonijiet jew it-trasport u l-proposta tal-meto, il-Gvern qiegħed ifarfarha u jisħaq li biex dawn ikunu sostenibbli hemm bżonn li jiżdiedu l-ħaddiema barranin.

Kien hawn li Delia ħares lejn dak li sar fil-passat u saħaq Ii hija ħrafa meta l-Gvern jgħid li l-ekonomija tal-pajjiż qatt ma kibret daqshekk aktar minn dik Ewropea.

Insista kif fl-aħħar snin ta’ Gvern Nazzjonalista, il-pajjiż irreġistra tkabbir ħafna akbar minn dak fl-Unjoni Ewropea.

Kien hawn li saħaq li għall-kuntrarju ta’ dak li għamel Gvern Laburista, l-ekonomija fi żmien Gvern Nazzjonalista kibbret bil-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u bil-ħolqien ta’ setturi ġodda.

“Imkien fid-diskors sħiħ ma smajna dwar xi settur wieħed ġdid. Ma hemmx settur wieħed li huwa wieħed li hu ġdid li dan il-Gvern qed jagħtina t-tama li pajjiżna jista’ jespandi fih,” kompla jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fejnu das-surplus. Mur itmagħhom is-surplus lil dawk li ma jħallqux biex jixtru l-ikel u l-mediċina

Dwar din il-kwistjoni, temm jgħid li l-Gvern jammetti l-falliment tas-sistema tiegħu stess, meta l-Prim Ministru jgħid li ma jistax jiggarantixxi l-pensjonijiet mingħajr il-ħaddiema barranin.

'Mur itmagħhom is-surplus lil dawk li ma jħallqux'

Għadda biex jitkellem dwar dik li sejħilha “sfidi soċjali” u filwaqt li saħaq li għall-Gvern dawk f’riskju ta’ faqar huma biss perċentwali, għall-Oppożizzjoni mhumiex, waqt li saħaq, fost interruzzjonijiet mill-membri tal-Gvern, li hemm 90,000 persuna f’riskju tal-faqar u li fi kliem il-Kap Nazzjonalista, dawn ma gawdewx mill-Baġit.

Kien hawn li appella biex ir-riga ma tibqax biss numri, iżda r-riga ssir l-għajxien tal-ħajja diċenti.

“Fejnu das-surplus. Mur itmagħhom is-surplus lil dawk li ma jħallqux biex jixtru l-ikel u l-mediċina,” insista Delia.

'Tant hawn ġid li hemm min lanqas l-10% ma għandu biex iħallas'

Tkellem dwar is-settur tal-akkomodazzjoni u filwaqt li faħħar l-iskema tal-Gvern li jsellef lil dawk li ma jkollhomx biex iħallsu l-10% depożitu, ifisser li l-problema hija fonda.

“Tant hawn ġid li l-ħaddiema tagħna lanqas biss għandhom biex iħallsu l-10% depożitu,” saħaq il-Kap Nazzjonalista.

Pajjiż li jibni t-torrijiet għas-sinjuri u l-ħaddiem jgħix fil-garaxxijiet

Fakkar fl-istudju tal-KPMG, li fi kliemu, wera kif f’sena waħda biss, il-prezz tal-proprjetà żdied b’25%. “Il-ħaddiem li l-paga tiegħu żdiedet biss b’1.1% kif se jkampa?” staqsa Delia.

Ikkritika lill-Gvern li f’sitt snin ma bena l-ebda unit ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Hawn tkellem ukoll fuq il-ħaddiema, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jisħaq li l-prekarjat sar parti mis-sistema u mhux l-eċċezzjoni.

“Pajjiż li jibni t-torrijiet għas-sinjuri u l-ħaddiem jgħix fil-garaxxijiet,” insista l-Kap Nazzjonalista. “Il-ftit li għandhom kollox u l-ħafna li kważi ma għandhom xejn.”

Delia jistaqsi x'investimenti wettqu Steward...

Għadda biex jitkellem dwar is-saħħa u kkritika wkoll lil Steward Health Care għax fi kliemu, għadhom ma wettqu l-ebda investiment minkejja li l-Mininistru Chris Fearne kien irrefera għalihom bħala “the real thing.”

Tkellem ukoll dwar mard u kundizzjonijiet, inkluż is-saħħa mentali u saħaq li l-Gvern falla minn dan is-settur, anke għax rema masterplan li kien tħejja minn Gvern Nazzjonalista.

€20,000 għall-għalliema, €180,000 għal Kurt Farrugia'

Meta tkellem dwar l-edukazzjoni, il-Parlament spiċċa b’botta u risposta bejn naħa u oħra, b’mod partikolati meta Delia tkellem dwar il-pagi tal-għalliema.

“Għall-għalliema €20,000 fis-sena. Għal Kurt Farrugia u l-ftit magħżula €180,000. Daqs disa' għalliema għandu," insista Delia. “Dawk huma s-sinjuri ż-żgħar ta’ Joseph Muscat.

Delia b'appell biex il-Parlament jingħaqad dwar il-klima

It-tielet u l-aħħar sfida li tkellem dwarha Delia hija dik ambjentali, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jappella lill-Gvern biex ma jipprovax ibiddel l-attenzjoni mill-problemi billi jiftaħar bil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali.

Għall-għalliema €20,000 fis-sena. Għal Kurt Farrugia u l-ftit magħżula €180,000. Daqs disa' għalliema għandu. Dawn huma s-sinjuri ż-żgħar ta' Joseph Muscat

Appella lill-Gvern biex jiddikjara emerġenza tal-klima biex imbagħad ikun hemm il-liġijiet f’posthom biex jgħinu u jħarsu l-ġenerazzjonijiet future.

Kompla jappella lill-Parlament biex għal darba jwarrab il-partiġġjaniżmu fil-ġenb u ż-żewġ naħat jagħmlu ġest flimkien u jiddikjaraw l-emerġenza tal-klima.

'Għal Għawdex il-Gvern ma offra xejn'

Tkellem ukoll dwar Għawdex u insista li l-Gvern ma għamel offra xejn ġdid għall-Għawdxin waqt li kkritikah li lanqas għall-Għawdxin ma offra xejn ġdid.

“X’inhuma s-setturi li rridu għal Għawdex?” staqsa Delia huwa u jitkellem dwar il-mina.

Jisfida lill-Gvern biex jagħti lista ta' investimenti li wettqu dawk li xtraw il-passaport

Qabel għalaq id-diskors Delia, Delia ma naqasx milli jsemmi l-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment fejn għamel lista ta’ persuni li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija u li huma akkużati b’ħasil ta’ flus u korruzzjoni.

Sfida lill-Gvern biex għada, waqt id-diskors tal-Prim Ministru, jelenka x’kienu l-investimenti li wettqu dawn il-persuni meta kisbu ċ-ċittadinanza Maltija.

More in Politika