Joseph Muscat jattendi għas-74 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda

F’dan l-avveniment se jieħdu sehem il-mexxejja ta’ 193 pajjiż madwar id-dinja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab fi New York fejn se jattendi għall-74 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda. 

F’dan l-avveniment se jieħdu sehem il-mexxejja ta’ 193 pajjiż madwar id-dinja.

It-tema għas-sessjoni se tkun ‘Galvanizing multilateral efforts for poverty eradication, quality education, climate action and inclusion’. 

Id-diskussjoni mistennija tiffoka fuq kif il-pajjiżi dinjin jistgħu jaħdmu iktar flimkien biex jindirizzaw temi u sfidi globali bħall-iżvilupp, il-paċi u s-sigurtà.

Fost id-diversi impenji u laqgħat bilaterali, il-Prim Ministru se jattendi għal summit dwar il-klima mgħajjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda Antonio Guterres biex gvernijiet, operaturi privati u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili joħorġu bi pjani konkreti u realistiċi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet.

Il-Prim Ministru huwa akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela u mill-Whip tal-grupp parlamentari tal-gvern, id-Deputat Byron Camilleri.

More in Politika