Madwar 150 dar f’Birżebbuġa se jkunu qed jibbenefikaw minn skema tal-Gvern li se tkun qed tgħinhom ibiddlu t-twieqi tad-djar tagħom biex jagħmluhom double-glazed.
Dan biex jilqgħu mill-istorbju kkawżat mill-Freeport.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ħabbar din l-iskema f’Birżebbuġa u qal li madwar €300,000 se jkunu investiti f’din l-iskema.
Din l-iskema se tkun miftuħa għar-residenzi ta’ 38 triq f’Birżebbuġa u li huma l-aktar affettwati bl-istorbju.
Il-Gvern se jkun qiegħed iħallas madwar 90% tal-ispejjeż, b’kull dar tista’ titlob sa massimu ta’ €2,000.
Huwa qal li Birżebbuġà hija lokalità li tat ħafna lill-ekonomija tal-pajjiż kemm minħabba l-power station ta’ Delimara, il-Freeport, it-tankijiet taż-żejt u oħrajn u li minħabba f’hekk ir-residenti kellhom jifaċċjaw diversi sfidi.
Mizzi fakkar ukoll li qed jitneħħew it-tankijiet taż-żejt u l-power station ta’ Delimara qed taħdem bil-gass.
Kompla jfakkar li sar investiment ukoll fi krejnijiet ġodda li jagħmlu inqas storbju waqt li għaddej xogħol fuq ġnien ġdid li se joffri aktar spazju miftuħ għar-residenti.