Delia jgħid li l-pajjiż sab il-qiegħ u jwiegħed bidla

Waqt diskors f'waħda mill-attivitajiet tal-festi tal-indipendenza, Delia rrefera għal dawk li sejħilhom oxxenitajiet tal-aħħar jiem

“Ma tgħaddix ġurnata waħda li ma jfaqqax skandlu politiku ġdid mill-Gvern Laburista. Oxxenità waħda wara l-oħra.” Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività għar-residenti tat-tielet distrett elettorali bħala parti mill-festi tal-Partit Nazzjonalista li jfakkru l-55 sena mill-kisba tal-Indipendenza.

Waqt diskors qasir, Delia għamlet referenza għall-fatt li lbieraħ ġie żvelat kif, fi kliemu, il-Gvern irid ipoġġi poter assolut f'idejn il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Artijiet James Piscopo.

“Irid li Piscopo, li kien Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, u ħaġa waħda mal-klikka ta' Kastilja jiddeċiedi hu trasferiment ta' art tal-poplu li terzi. Kollox f'idejn Piscopo. Jiddeċiedi hu bl-art tal-poplu, jara hu lil min jagħtiha. Deċiżjoni li, bir-raġun, tinkwieta lil kull min hu tal-affari tiegħu u mhux fost 'il ftit tal-qalba li qed jaħtfu kollox, qal Adrian Delia,” saħaq Adrian Delia.

Tkellem ukoll dwar l-aħħar allegazzjonijiet fl-MFSA u saħaq li kellu jkun eks Ministru Laburista stess li ma felaħx aktar u ħa passi legali fil-konfront tat-tmexxija tal-istess awtorità biex ma taġevolax

“Joe Brincat  kien ċar u dirett, qal li hemm ksur sfaċċat tal-liġi punibbli taħt il-liġi kriminali,” fakkar Delia.

Irrefera għall-fast ferry f’Għawdex u qal li dan juri każ ieħor fejn ħareġ ċar kif entità oħra, spiċċat “hijacked mill-Gvern.

Fakkar kif ġie stabbilit illi l-kumpanija governattiva Gozo Channel kienet taf li kien hemm diskrepanzi tekniċi u legali minn kif mistenni fil-kuntratt, iżda xorta ffirmatu u rebbħet it-tender lil kumpanija partikolari. 

“Pajjiżna sab il-qiegħ. Mhux tort tal-poplu ħawtiel tiegħu, imma ħtija ta' Gvern li l-poter telagħlu għal rasu u jaħseb li jista' jgħaddi romblu minn fuq kulħadd,” qal Delia waqt li fakkar  f’rapport tal-Moneyval li, fi kliemu, ċanfar bil-kbir l-atteġġjament laxk tal-Gvern fil-qasam tal-governanza. 

Temm jisħaq li  l-Partit Nazzjonalista mhux se jippermetti danu se jibqa’Oppożizzjoni b'saħħitha.

“Il-PN fil-gvern jiggarantixxi istituzzjonijiet li jaħdmu b'mod ħieles u indipendenti mill-indħil tal-Gvern. Naraw li flus il-poplu jintużaw għall-ġid tal-poplu, mhux tal-ftit magħżulin. Nassiguraw li dipartimenti, bhad-Dipartiment tal-Artijiet, u l-MFSA jaħdmu b'awtonomija u l-bordijiet rispettivi tagħhom jaġixxu b'mod korrett u professjonali,” temm jgħid Delia.

More in Politika