F'għeluq snin Daphne Adrian Delia jfakkar lill-Gvern fl-inkjesta pubblika

Fuq Twitter Delia saħaq li l-Gvern falla minkejja l-appelli tal-Oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u entitajiet oħra

F’għeluq snin Daphne Caruana Galizia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ħa l-okkażjoni biex ifakkar fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil tagħha.

“Illum Daphne Caruana Galizia kienet tagħlaq 55 sena. Il-moħħ/imħuħ wara l-assassinju tagħha għadhomn mhux magħrufa,” kiteb fuq Twitter Delia.

Komla jgħid li l-Gvern “falla” milli jiftaħ inkjesta pubblika minkejja l-appelli tal-Oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u entitajiet oħra.

Temm jisħaq li: “aħna se nibqgħu ninsistu għall-verità u l-ġustizzja.”

Fi stqarrija aktar tard, Adrian Delia fakkar li fil-15 ta' Lulju kien kiteb ittra lill-Prim Ministru dwar l-inkjesta pubblika, iżda, skont il-PN, Delia baqa' bla risposta. 

"Ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa kien irrimarka fuq is-sens ta' impunità li hawn f'pajjiżna, dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u li għadu ma nstabx min kien li ordna dan il-qtil. L-Oppożizzjoni kienet ressqet mozzjoni fil-Parlament biex jiġi stabbilit jekk dan il-qtil setgħax ġie evitat. Ir-rapport tal-Greco wkoll kien ikkritika lilll-Gvern għaliex baqa' jirrifjuta inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista, kif ilu jitlob ukoll il-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt f'Diċembru tal-2018, l-Oppożizzjoni kienet ppreżentat mozzjoni biex titlob inkjesta pubblika iżda l-Gvern kien ivvota kontra," temm jisħaq il-Kap Nazzjonalista.

Kemm il-familja ta’ Caruana Galizia, permezz ta’ kumpanija ta’ avukati bbażata f’Londra u anke entitajiet Ewropej ħeġġew lill-Gvern biex iniedi inkjesta pubblika u indipendenti dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.

F’Lulju li għadda, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela kien insista li fi żmien tliet xhur se tinfetaħ inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista. 

 

More in Politika