Mistura dettalji dwar applikazzjoni għall-fishfarms f'żona daqs 484 grawnd tal-futbol

Id-dettalji tal-applikazzjoni mhux se jkunu ppubblikati qabel tibda konsultazzjoni bħala parti mill-istudju dwar l-impatt ambjentali

Il-kaxxa żgħira tindika ż-żona tal-gaġeġ tat-tonn bħalissa filwaqt li l-kaxxa l-kbira tindika ż-żona li l-applikazzjoni dwarha għadhom mistura. Ritratt | MaltaToday
Il-kaxxa żgħira tindika ż-żona tal-gaġeġ tat-tonn bħalissa filwaqt li l-kaxxa l-kbira tindika ż-żona li l-applikazzjoni dwarha għadhom mistura. Ritratt | MaltaToday

Applikazzjoni għal żona għall-fishfarms kbira daqs 484 grawnd tal-futbol tinsab bħalissa quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar anke jekk id-dettalji dwarha huma mistura.

Il-gazzetta MaltaToday irrapportat kif l-applikazzjoni qed titlob il-permess għall-installazzjoni ta’ gaġeġ f’żona ta’ 3.5 kilometru kwadru, 4.5 kilometri ‘l bogħod mill-Qala u Kemmuna u 5.4 kilometru ‘l bogħod mill-Mellieħa.

Anke jekk l-applikazzjoni tidher ċara fuq il-geoserver tas-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar, id-dettalji dwarha mhumiex pubbliċi.

Mitlub jirreaġixxi għal dan, kelliem għall-Awtorità tal-Ippjanar saħaq li ma jistax jagħti dettalji dwar din l-applikazzjoni.

Madanakollu huwa qal li ġaladarba ntalab studju dwar l-impatt ambjentali ta’ din l-applikazzjoni, ifisser li l-proċess se jkun jinkludi konsultazzjoni pubblika mmexxija mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Spjega kif f’dan l-istadju, il-pubbliku jkun jista’ jaċċessa l-informazzjoni kollha u eventwalment anke joġġezzjona formalment jekk ma jkunx jaqbel.

Minkejja li ftit li xejn hemm informazzjoni dwarha, il-MaltaToday hi infurmata li din iż-żona taqbel mal-pjanijiet li jkunu rrilokati l-gaġeġ tat-tonn lokali f’żona akbar minn dik li fiha ġew irrilokati fl-aħħar sentejn.

More in Politika