Tad-db lura f'nofs kontroversja. Proġett bla permess iżda jitfa' applikazzjoni biex iħaffer

Diversi għaqdiet u anke Kunsilli Lokali jirrimarkaw illi d-db group tefa' applikazzjoni biex iħaffer l-art tal-ITS meta l-proġett lanqas biss għad ħariġlu l-permess u jistaqsu ...

Fid-dawl tal-applikazzjoni separata għall-iżvilupp mid-db Group għat-tħaffir ta’ dak li kien is-sit tal-ITS residenti, tliet Kunsilli Lokali u 10 NGOs qegħdin jinkoraġġixxu l-pubbliku sabiex jissottometti oġġezzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar (PA).

"Għalkemm hija separata minn dik li l-kumpanija ssottomettiet sentejn ilu, din l-applikazzjoni tikkonċerna l-istess proġett. Dan il-proġett, li diġà ġie riġettat mill-opinjoni pubblika," jgħidu dawn l-għaqdiet u l-Kunsilli Lokali. 

Fakkru illi l-proġett se jkollu impatti negattivi permanenti fuq kull aspett tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti li jgħixu fl-akkwati tal-binjiet li dawn l-għaqdiet u Kunsilli qed isejħu "sproporzjonati u massivi" li qegħdin jiġu proposti,

"Din l-applikazzjoni separata hija każ ċar ta’ attentat biex tiġi evitata evalwazzjoni olistika tal-impatti kollha tal-iżvilupp. Huwa ovvju li l-proċedura kollha tal-ippjanar qed tinqasam f’ħafna stadji sabiex jiġi evitat studju sħiħ dwar il-proġett finali kollu u l-impatti ambjentali u impatti oħrajn ta’ dan l-iżvilupp mostruż"

L-għaqdiet u Kunsilli Lokali sostnew illi l-applikazzjoni għal tħaffir ta’ skala kbira ġiet proċessata fi żmien ġimgħa, mingħajr ebda indikazzjoni dwar x’se jsir mill-iskart tat-tħaffir. "It-tħaffir propost tas-sit jestendi wkoll taħt il-Bini Skedat ta’ Grad 2 u l-bunker minn żmien il-Gwerra Bierda, filwaqt li l-proposta tindika li dawn il-binjiet suppost jiġu “miżmuma”. Huwa kompletament inaċċettabbli li din it-talba qiegħda tiġi proposta f’iżolazzjoni mill-bqija tal-iżvilupp kolossali. Għandu jiġi enfasizzat li t-tħaffir ta’ dak li kien is-sit tal-ITS kien parti mill-permess tad-db Group li ġie kkanċellat mill-qorti. F’dan l-istadju, l-applikazzjoni separata li ġiet ippreżentata għat-tħaffir ċarament tindika disprezz lejn id-deċiżjoni tal-qorti u hija mezz qarrieqi li l-iżviluppaturi qegħdin jużaw biex jaħarbu minn din id-deċiżjoni. Mhuwiex loġiku li titlob permess għal tħaffir li jagħmel parti minn proġett li għalih m’hemmx permess." 

L-istqarrija ttemm tgħid li din l-applikazzjoni tista’ tfisser biss żewġ affarijiet: li l-approvazzjoni tal-proġett sħiħ hija deċiżjoni mittieħda diġa, indikazzjoni ċara li s-sistema tal-ippjanar hija biss farsa, jew inkella li hemm riskju li t-tħaffir isir mingħajr ma l-proġett ikun eventwalment approvat u li titħalla toqba enormi f’sit irvinat għal kollox. Tista’ tkun biss waħda jew l-oħra."

Il-Kunsilli Lokali huma: Pembroke, San Ġiljan u s-Swieqi

L-NGOs huma: Archaeological Society of Malta, Bicycle Advocacy Group, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Isles of the Left, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta u Ramblers Association

More in Politika