Il-ġurnalisti ‘mwissija’ hekk kif tibda kampanja fl-MFA

Hekk kif huwa mifhum li persuni fil-PBS qegħdin jaħdmu attivament favur Chris Bonett għall-elezzjoni fl-MFA f’Lulju, is-CEO tal-PBS jibgħat email, li mhux prassi tinbagħat, lill-ġurnalisti sportivi biex ma jxaqilbu lejn l-ebda kandidat...

Numru ta’ nies fil-PBS qed jappoġġjaw lil Bonett. Huwa mifhuma li Vassallo għandu l-appoġġ tat-tmexxija kurrenti tal-MFA
Numru ta’ nies fil-PBS qed jappoġġjaw lil Bonett. Huwa mifhuma li Vassallo għandu l-appoġġ tat-tmexxija kurrenti tal-MFA

Hekk kif it-tiġrija għall-pożizzjoni ta’ President tal-Malta Football Association (MFA) illum okkupata minn Norman Darmanin Demajo, il-kamra tal-aħbarijiet tax-xandir nazzjonali kienet imfakkra fil-bżonn ta’ imparzjalità f’formola li ntbagħtet lill-ġurnalisti kollha sportivi tal-PBS. Kien fil-fatt il-Kap Eżekuttiv tax-Xandir Nazzjonali Charles Dalli li għamel din it-tfakkira, xi ħaġa li sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu illi qatt ma ġrat fis-snin riċenti. Fil-fatt jidher illi ċirkolari bħal din li tfakkar/twissi lanqas għall-elezzjoni ġenerali ma ħarġet.

Sorsi fil-PBS li tkellmu mal-ILLUM qalu illi din iċ-ċirkolari probabbilment intbagħtet biex jingħata messaġġ ċar “lil xi nies li għandhom rashom ftit kbira jew li jisparlaw fuq il-midja soċjali.” Sors ieħor iżda sostna li dan ġara għaliex huwa mifhum li persuni qrib il-PBS qed imexxu jew huma parti mill-kampanja ta’ Bonett.

F’messaġġ lill-ġurnalisti kollha u li wasal għand din il-gazzetta, il-Manager tat-Taqsima Sports Peter Cossai, bagħat email lill-ġurnalisti illi fiha sostna li jekk ikun hemm dubju dwar jekk xi ħaġa għandhiex tkun ippubblikata jew le, “dwar l-elezzjoni, għandi niġi kkonsultat. U biex nagħmluha doppjament ċara, dan jgħodd għat-TV, ir-radju, is-sit u l-paġni uffiċjali ta’ TVM u TVMSport fil-media soċjali. Il-ġurnalisti u kontributuri jridu jiftakru li huma jirrappreżentaw lill-istazzjon nazzjonali.”

Cossai kompla jinsisti li meta jiktbu jew jirrispondu m’għandhomx juru preferenza lejn xi wieħed mill-kandidati ta’ din l-elezzjoni.

L-ittra tal-Kap Eżekuttiv tal-PBS Charles tfakkar f’dak kollu li qal Cossai lill-ġurnalisti u tfakkar ukoll illi l-Gwidi tax-Xandir tal-PBS jistipola l-bżonn ta’ imparzjalità.

Intant il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt ma’ Cossai u staqsietu għalfejn inħass il-bżonn li tintbagħat din iċ-ċirkolari, meta lanqas biss tintbagħat f’ċirkostanzi ta’ elezzjoni ġenerali. Madanakollu Cossai ma xtaqx jgħaddi kumment.

 L-elezzjoni għall-President tal-MFA se ssir fl-20 ta’ Lulju u għaliha se jikkontestaw Chris Bonett u Bjorn Vassallo. Fil-passat Bonett okkupa l-kariga ta' Viċi President tal-MFA kif ukoll mexxa l-ġlieda tal-UEFA kontra t-tixħim fl-irwol tiegħu bħala Uffiċjal għall-Integrità.

Min-naħa l-oħra, fil-passat Vassallo okkupa kariga fl-MFA sakemm fl-2016 irriżenja minn Segretarju Ġenerali sabiex jieħu pożizzjoni fil-FIFA.

Kienet din il-gazzetta nhar it-12 ta’ Marzu li għadda li żvelat kif Darmanin Demajo ma kienx se jikkontesta l-elezzjoni ta’ Lulju li ġej. Dakinhar is-sorsi ta’ din il-gazzetta sostnew illi dan se “jċedi” postu lil Vassallo. Xahar wara Darmanin Demajo ħabbar illi mhux se jikkontesta l-elezzjoni.

Minkejja l-appoġġ ta’ Darmanin Demajo, Bonett huwa mifhum li għandu appoġġ kruċjali u wiesa’ inkluż fost persuni fil-Gvern.

Din l-elezzjoni se tiġi fid-dawl ta’ diversi skandli u kontroversji fil-futbol Malti kif ukoll b’relazzjonijiet xejn tajbin bejn ir-referis u l-MFA.

More in Politika