Il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu saħaq li ma hemm xejn x’jitfejjaq fir-rigward tal-awtiżmu.
Fi stqarrija, il-Kunsill Konsultattiv kien qiegħed jiġbed l-attenzjoni dwar programm televiżiv imxandar fuq Fliving Channel, fejn kienet diskussa l-istorja ta’ tifel li kien “imfejjaq mill-awtiżmu”.
“L-awtiżmu mhux marda. Huwa differenza newroloġika li ttul tul il-ħajja, u filwaqt li ċerta mġiba u kundizzjonijiet li jidhru fl-istess waqt – bħall- ansjetà - huma ta’ spiss assoċjati magħha, l-awtiżmu fih innifsu huwa ħaġa waħda mal-identità tal- persuna, u mhux xi ħaġa li tista’ joħroġ minnha biż-żmien jew bit-talb,” saħaq il-Kunsill.
Kien hawn li insista li min se jmexxi ‘l quddiem l-idea li l-awtiżmu huwa xi ħaġa li tista’ tkun ikkurata, ikun qed imexxi idea żbaljata dwar l-awtiżmu, u tkun ta’ disservizz għall-persuni li jinsabu fuq l-ispettru tal-awtiżmu u għall- membri tal-familja tagħhom.
Kompla jispjega li manifestazzjonijiet fl-imġiba assoċċjati mal-awtiżmu, ħafna drabi dawn ikunu r-reazzjonijiet ta’ persuna li qed tipprova tkampa f’dinja li mhix aċċessibli għaliha.
“Filwaqt li l-immaniġġjar tal-imġiba, sa minn età bikrija u bl-involviment tal-membri tal-familja u ta’ persuni oħra qrib tagħhom jista’ jgħin persuna fuq l-ispettru tal-awtiżmu dan qatt m’għandu jkun sostitut li jaċċetta in-nuqqas ta’ rieda mis-soċjetà li tifhem u taddatta lilha nnifisha għall-bżonnijiet tal- persuni b’diżabilità kollha, inklużi dawk fuq l-ispettru tal-awtiżmu,” saħaq il-Kunsill
Il-Kunsill qed jappella lill-Awtorità tax-Xandir biex tieħu passi fuq din il-kwistjoni, skont obbligazzjonijiet fil-liġi, u biex tiżgura rappreżentazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà fuq il-bord tagħha, skont sejħiet li saru aktar kmieni f’dan ir-rigward.