Muscat jgħid li Delia qed juża l-abort bħala strateġija ta' malajr biex isalva

Dan wara li lbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-elezzjoni tal-25 ta' Mejju se tkun referendum fuq l-abort

Joseph Muscat
Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat meta mitlub jirreaġixxi għall-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni, meta qal li l-elezzjonijiet li ġejjin huma referendum fuq l-abort, qal li Adrian Delia ra buttuna li fuqha kellha miktub paniku u għafasha.

Meta kien qed iwieġeb mistoqijiet tal-ġurnalisti, Muscat iddeskriva li l-kampanja ta' Adrian Delia kontra l-abort bħala strateġija ta' malajr biex isalva.

"Tispiċċa tbeżża' meta ma għandekx argumenti," kompla jisħaq il-Prim Ministru waqt li insista li hu se jkompli jikkampanja fuq il-kwistjonijiet reali fil-pajjiż.

Kien hawn li reġa' insista li dan kollu juri li l-elezzjonijiet tal-25 ta' Mejju hija għażla bejnu u bejn Adrian Delia.

Mistoqsi minn ġurnalist ta' Net News dwar dak li ntqal mill-Ewroparlamentari David Casa nhar il-Ġimgħa f'Xarabank, jiġifieri li l-MEPs Laburisti vvutaw sittax-il darba favur l-abort, il-Prim Ministru wieġeb: "Ma ngħidux ħmerijiet."

Huwa saħaq li l-Oppożizzjoni qed twaqqa' għaċ-ċajt argument serju u li fi kliemu jimmerita d-diskussjoni serja.

"Il-Gvern ma għandux mandat biex idaħħal l-abort," saħaq Muscat waqt li ddeskriva lil Delia bħala irresponsabbli li qed jibqa' jinsisti fuq dan l-argument.

More in Politika