'Aħna qatt ma biddilna l-isem jew l-arma għax qatt ma kellna minn xiex nistħu' - Delia

Adrian Delia qal dan waqt attività politika fir-Rabat li matulha tkellem fit-tul dwar il-kwistjoni tal-abort

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li l-Partit Nazzjonalista qatt ma biddel il-prinċipji tiegħu u kien għalhekk li qatt ma biddel l-isem tal-Partit jew inkella l-arma. “Aħna ma għandnix biex nistħu,” kompla jinsisti.

Delia qal dan waqt li kien qiegħed jiġi intervistat mill-ġurnalist Sergio Malli waqt attività fir-Rabat, li matulha tkellem fit-tul dwar il-kwistjoni tal-abort u minkejja li llum stess il-Prim Ministru ddikjara li huwa kontra l-abort, Delia baqa’ jinsisti li għall-Gvern, it-tarbija fil-ġuf tfisser biss tmien ċelloli.

Saħaq li huwa ċar li għall-Partit Laburista, il-ħajja ma tfissirx l-istess kif tfisser għall-Partit Nazzjonalista.

Meta Sergio Mallia insista miegħu li f’Malta ħadd ma jemmen li jista’ jidħol l-abort, Delia saħaq li hemm differenza kbira bejn dak li jemmnu n-nies u dak li jwettaq il-Gvern.

“Għall-Gvern, it-tarbija fil-ġuf hija tmien ċelloli, għax il-Labour mhux qalb għandu imma calculator,” insista l-Kap Nazzjonalista.

Kien hawn li rrefera għall-billboard li tella’ llum il-Partit Nazzjonalista u insista dak mhuwiex sempliċiment billboard iżda għajta tat-tarbija fil-ġuf, waqt li kompla jenfasizza li llum u dejjem, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi l-ħajja.

Għall-Gvern, it-tarbija fil-ġuf hija tmien ċelloli, għax il-Labour mhux qalb għandu imma calculator

Kien hawn li għamel referenza għall-manifest tal-Partit Soċjalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u insista li huwa ċar li s-Soċjalisti jridu li jiddeċiedu huma t-taxxa tagħna biex l-istess taxxi jindunaw biex isiru l-aborti fl-Ewropa.

Delia tenna l-għajta tiegħu li din mhijiex elezzjoni ġenerali, iżda hija elezzjoni li tista’ tbiddel id-direzzjoni li ħa l-Gvern.

 ‘Kburi li nqum nitkellem fil-PE biex nipproteġi lilkom’ – David Casa

Tul l-attività tkellem ukoll l-Ewroparlamentari u l-kandidat David Casa li saħaq ma’ dawk kollha preżenti li meta hu jqum jitkellem fil-Parlament Ewropew ikun qed jagħmel dan biex jipproteġi lil Maltin u kien għalhekk li insista li hu “kburi” b’dak li jagħmel.

“Meta David Casa jqum u jitkellem fil-Parlament jagħmel hekk għax qed jisirqu lill-poplu,” insista l-Ewroparlamentari waqt li saħaq li bil-kumpanija 17 Black, Konrad Mizzi u Keith Schembri riedu jisirqu lill-poplu €150,000 fix-xahar.

Mill-ġdid ikkritika l-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment. “Tmur tixtri l-cufflings jew arloġġ minn ajruport u ssib riklam tal-passaport tagħna bi prezz,” qal Casa waqt li insista li se jagħmel minn kollox biex jibqa’ jiddefendi isem Malta.

“Jien qatt ma bżajt mit-theddid...intom issaħħuni,” insista l-Ewroparlamenti.

‘L-għajta ta’ 32 sena ilu għadha tgħodd illum’ – Dione Borg

Min-naħa tiegħu, il-kandidat Nazzjonalista Dione Borg, tkellem dwar l-elezzjoni li l-Partit Nazzjonalista rebaħ bħal-lum 32 sena, bl-għajta: “Xogħol, Ġustizzja u Libertà.”

Fi kliemu, dik l-għajta llum għadha rilevanti, għax fi kliemu, il-Gvern qed jimporta ċ-Cheap Labour, ħataf l-istituzzjonijiet fosthom l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u fi żmienu l-pajjiż reġa’ esperjenza qtil marbut mal-espressjoni ħielsa.

Anke Borg tkellem dwar l-abort u saħaq li ġaladarba s-Soċjalisti Ewropej iddikjaraw li huma favur l-abort, kien jistenna li l-amministrazzjoni Laburista kien ikollha l-kuraġġ li tiddikjara bil-miktub li hija kontra l-abort.

More in Politika