'Ċert li f'Mejju l-PN jista' jagħmel l-ewwel pass' - Adrian Delia
Adrian Delia saħaq li t-tema li għażel il-PN għandha ġġib flimkien lil dawk li jridu l-bidliet neċessarji biex il-pajjiż ikompli t-triq li kien beda

minn Yendrick Cioffi

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li jinsab ċert li f’Mejju li ġej, il-Partit Nazzjonalista jista’ jagħmel l-ewwel pass biex ibiddel id-direzzjoni ta’ Gvern.
Għal aktar minn darba, Adrian Delia għamel referenza għal kelma ‘flimkien’ li tispikka fit-tema tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju li ġej.
“Jekk inħarsu ‘l quddiem, din hija t-tema li għandha tgħaqqad flimkien lil dawk li jridu l-bidliet neċessarji biex il-pajjiż ikompli t-triq li kien beda,” saħaq il-Kap Nazzjonalista.
Delia qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika fil-lokalità ta’ Ta’ Xbiex bħala parti mill-kampanja elettorali li nieda din il-ġimgħa bit-tema: “Flimkien għal Pajjiżna.”
“Qed naħdmu bil-għaqal,” saħaq Delia tul id-diskors tiegħu. “Nirrikonoxxu l-limitazzjonijiet tagħna. Nirrikonoxxu li aħna qed nibdew mill-qiegħ...l-ewwel irridu nissaħħu bħala Oppożizzjoni u mbagħad nibdew nirbħu r-rispett tan-nies.”
'Il-Ministru Scilcuna rrikonoxxa li kellna raġun'
Tkellem ukoll dwar dak li qal dalgħodu l-Ministru Edward Scicluna meta qal li l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż jeħtieġ jikkalma waqt li insista li ċertu setturi ma kinux ippreparati għalih.
“Il-Ministru Scicluna kkonferma dak li ilna ngħidu,” saħaq Adrian Delia waqt li tenna dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li l-Gvern ma għandux pjan.
Waqt li rrefera għall-kritika tal-Partit Laburista li qed jisħaq li l-Partit Nazzjonalista qed iċaħħad aktar minn 100,000 votant milli jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, wara li ma ħariġx biżżejjed kandidati f’għadd ta’ lokalitajiet, il-Kap Nazzjonalista insista li huwa l-Partit Laburista li qatt ma emmen fil-Kunsilli Lokali u li sentejn ilu rnexxielu jwaqqaf l-elezzjonijiet milli jsiru.
“Għandna ‘l fuq minn 100 kandidat u rrid nirringrazzjahom talli qed joffru rwieħhom,” saħaq Delia waqt li rringrazzja wkoll lill-kandidati tal-Partit Laburista għax fi kliemu dawn ukoll qed jagħmlu l-parti tagħhom.
'L-MEPs tagħna se jattiraw aktar fondi għan-negozji tagħna'
Tul id-diskors tiegħu rrefera wkoll għaż-żjarat tiegħu f’diversi negozji u ddeskrivihom bħala r-rota tal-ekonomija.
Nirrikonoxxu l-limitazzjonijiet tagħna. Nirrikonoxxu li aħna qed nibdew mill-qiegħ...l-ewwel irridu nissaħħu bħala Oppożizzjoni u mbagħad nibdew nirbħu r-rispett tan-nies Adrian Delia
Kien għalhekk li insista li l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti se jkunu qed jaħdmu biex jaraw kif Malta tista’ tattira aktar fondi li ma ħaditx u li minnhom jistgħu jiggwadanjaw in-negozji.
“Kien il-PN li ġab l-aqwa pakkett ta’ għajnuniet,” fakkar Delia. “Iżda hemm fondi diretti li mhux qed nieħdu u li minnhom jistgħu jiggwadanjaw in-negozji.”
Huwa insista li l-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew se jkun qed jaħdem biex jiftaħ beraħ il-bibien li għan-negozji Maltin u Għawdxin għadhom magħluqa.
“Nistiednu lin-negozji tagħna biex jersqu, jisimgħu u jkellmuna biex nuruhom x’opportunitajiet jistgħu jibbenefikaw minnhom,” insista l-Kap Nazzjonalista.
‘Flok Jum il-Ħaddiem imissu jsemmiha Jum iċ-Cheap Labour’
Tkellem ukoll il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew Michael Briguglio li kkritika lill-Gvern mhux biss minħabba l-korruzzjoni iżda anke għax fi kliemu qed jinjora l-każijiet ta’ impjiegi b’pagi baxxi u anke dak li sejjaħlu ‘housing poverty.’
Ikkritika wkoll lill-Gvern għax fi kliemu fondi Ewropej mhux qed jintużaw sew u minflok qed jintużaw biex jitwessgħu t-toroq mingħajr ma jsolvu xejn.
“Kull min ġie hawn illejla jaf xi traffiku sab,” saħaq Briguglio waqt li insista li l-Partit Nazzjonalista qiegħed joffri soluzzjonijiet għal dawn il-kwistjonijiet kollha.
“Aħna qed nipproponu politika ta’ rieda tajba,” temm Briguglio.
'In-nuqqas ta' konsultazzjoni mill-Gvern hija l-akbar diffikultà li jsib il-kunsill ta' Ta' Xbiex'
Matul l-attività tkellmu kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista ta’ din il-lokalità li spjegaw kif minkejja li jinsabu minoranza f’dan il-kunsill, jaħdmu flimkien għal ġid tar-residenti ta’ din il-lokalità.
Huma saħqu li l-akbar diffikultaljiet li għandu dan il-kunsill lokali huwa l-fatt li l-Gvern ma jikkonsultax meta jkun se jwettaq xogħlijiet u anke l-parkeġġ.
Waqt li fakkru li l-maġġoranza tar-residenti ta’ din il-lokalità huma anzjani huma spjegaw kif qed jaħdmu biex isir Day Centre u anke biex il-postijiet tal-għawn ikunu attrezzati b’faċilitajiet bħall-latrini pubbliċi ġodda.
Tkellmu wkoll dwar il-bżonn ta’ bankini aktar aċċessibbli li qed iwiegħdu li jwettqu jekk jingħataw il-fiduċja.


