Iċ-Ċentru għas-Saħħa Reġjonali f'Raħal Ġdid se jkun lest fi żmien tliet snin u nofs

Il-Ministru Chris Fearne u s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia jżuru x-xogħlijiet

Dalgħodu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia żaru s-sit li fuqu qed jinbena ċ-Ċentru għas-Saħħa Reġjonali għan-Naħa t’Isfel ta’ Malta, li se jingħata l-isem Ċentru Vincent Moran.

Bħalissa, fuq dan is-sit, qed isir xogħol ta’ tħammil, u l-proġett se jkun lest f’madwar tliet snin u nofs.

Dak magħruf bħala “l-Paola Hub,” se jkun mifrux fuq seba’ sulari

“Is-sena li għaddiet ftaħna ċ-Ċentru tas-Saħħa ġdid f’Ħal Kirkop, l-ewwel ċentru tas-saħħa f’għexieren ta’ snin. Bħalissa għaddejjin b’ħidma estensiva fuq il-bereġ, fosthom ftaħna berġa ġdida fix-Xewkija Għawdex, għamilna rinovar fil-bereġ ta’ Ħaż-Żebbuġ u Ħ’Attard fost diversi oħrajn, filwaqt li għaddej ix-xogħol fuq Ċentru ġdid tas-Saħħa f’Għawdex,” fakkar Fearne.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li dan iċ-ċentru huwa l-proġett prinċipali fil-qasam tas-saħħa fil-programm ta’ fondi Ewropej sal-2020.

Dan il-proġett qed jibbenifika minn €33 miljun mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali. 

“Il-qasam tas-saħħa huwa pilastru importanti fejn jidħlu l-fondi Ewropej, u issa diġà bdejna naħdmu flimkien mad-Deputat Prim Ministru fil-kuntest tal-programm ta’ fondi li jmiss bejn 2021 u 2027,” saħaq Farrugia.

More in Politika