Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea qablu li jagħtu lir-Renju Unit estensjoni ta’ sitt xhur biex hekk Brexit se jkun qiegħed isir sal-31 ta’ Ottubru.
Din l-estensjoni tnaqqas mir-riskju li kellu mdendel fuq rasu r-Renju Unit, jiġifieri li jitlaq mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim u dan wara li l-Parlament Ingliż ilu diversi xhur jipprova jaqbel dwar il-ftehim li nnegozjat May, iżda kollu għalxejn.
“Qed nibagħtu messaġġ lil sħabna fir-Renju Unit,” saħaq il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk. “Jekk jogħġobkom taħlux ħin.”
Theresa May, li xtaqet estensjoni iqsar, saħqet li se tkun qed taħdem biex ir-Renju Unit iħalli l-Unjoni Ewropea kemm jista’ jkun malajr.
Dan ifisser ukoll li issa r-Renju Unit se jkollu jieħu sehem fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej, jew inkella jħalli lill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim fl-1 ta’ Ġunju.
Aktar kmieni, Theresa May saħqet mal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea li hi xtaqet tmexxi d-data ta’ Brexit minn għada, għat-30 ta’ Ġunju, bil-possibbilità li Brexit isir qabel jekk il-ftehim tagħha jkun approvat mill-Parlament Ingliż.
Intant, siti tal-aħbarijiet internazzjonali qed jisħqu li din l-estenjoni tista' tfisser elezzjoni għall-kap tal-Partit Konservattiv wara l-Għid bil-għan li r-Renju Unit ikollu Prim Ministru ġdid sa Ġunju.