Ir-raġel akkużat li qatel lil martu jgħid li għandu problemi ta' saħħa mentali

Lourdes Agius kienet instabet mejta f'Settembru tas-sena l-oħra ġewwa dar tagħha fir-Raħal Ġdid

Illum waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ tal-qtil ta’ Maria Lourdes Agius, l-akkużat qal li hu jbati minn problemi ta’ saħħa mentali u għalhekk ma setax jifhem dak li kien qed jagħmel.

Fid-dawl t’hekk, l-akkużat ġie trasferit mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għall-Isptar Monte Karmeli.

Issa x’jiġri?

Minħabba din id-dikjarazzjoni tad-difiża, il-kumpilazzjoni tal-evidenza kellha tkun sospiża, hekk kif issa l-każ jgħaddi għand l-Avukat Ġenerali. Wara tim ta’ psikjatri jeżaminaw l-akkużat, bl-eżitu tal-viżta imbagħad ikun ippreżentat fil-Qorti.

X’ġara fis-seduta ta’ qabel?

Agius, ta' 35 sena kienet instabet mejta nhar il-15 ta' Settembru fid-dar tagħha ġewwa r-Raħal ġdid. Hi kienet instabet b’għadd ta’ tbenġil f’għonqa, bl-awtopsja tikkonferma li l-mara mietet fgata. 

Fis-seduta preċedenti l-Qorti kienet semgħat kif, l-akkużat li għandu 28 sena u mill-Kosta tal-Avorju kien wasal Malta b’mod illegali u ftit wara iltaqa' mal-vittma f’San Ġiljan u baqaw f’relazzjoni.

Dakinhar il-Qorti semgħet dettalji speċifiċi dwar ir-relazzjoni tagħhom, eżempju kif jumejn biss qabel il-qtil tal-vittma l-akkużat kellu argument  magħha li fih kien saħansitra sawwat lill-vittma b’siġġu u ta daqqiet bis-sieq.

Waqt l-interogazzjoni l-akkużat qal li hu u l-vittma kien ikollhom ħafna argumenti minħabba t-tfal, għaliex skontu, 'hi ma kienetx tieħu ħsiebhom.'

 

More in Politika