L-Air Malta nediet l-iskeda tat-titjiriet tagħha tas-sajf li ġej li tinkludi 42 destinazzjoni fosthom tnejn ġodda li huma l-Karj u Varsavja.
Apparti minn hekk, il-Linja Nazzjonali tal-Ajru qed tevalwa servizzi lejn Ibiża u Tbilisi (il-kapitali tal-Georgia) fl-eqqel tas-sajf.
L-Air Malta tibda l-iskeda tas-sajf tagħha min-nhar il-Ħadd il-31 ta’ Marzu b’188 titjira fil-ġimgħa ppjanata.
Il-linja tal-ajru qed tippjana li ġġorr aktar minn 1.46 miljun passiġġier matul is-seba’ xhur li ġejjin u se topera bi flotta ta’ għaxar ajruplani.
L-istess skeda, se tkun qed iżżid il-frekwenzi lejn/minn Pariġi Charles De Gaulle, Hamburg, Kiev, London Heathrow, Lyon, Munich, Tunis. Apparti minn hekk, wara 12-il sena nieqsa mil-lista, l-Air Malta qed tippjana li terġa’ tibda t-titjiriet lejn il-kapital tal-Eġittu, il-Kajr.
Għall-ewwel darba, il-linja tal-ajru se toffri wkoll servizzi skedati lejn/minn Varsavja.
Fi stqarrija, l-Air Malta saħqet li qed tevalwa servizzi għal Ibiza u Tbilisi bl-iskeda tat-titjiriet ta’ dawn is-servizzi l-ġodda se titħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.
Intant, l-aktar rotot moqdija tajjeb mill-Air Malta f’dan l-istaġun huma Katanja bi 17-il titjira fil-ġimgħa, segwiti minn London Heathrow (16), Ruma (14) u Munich (13).
F’kumment dwar l-iskeda ta’ dan is-sajf, il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, il-Kaptan Clifford Chetcuti, saħaq li din tenfasizza l-isforzi tal-Linja Nazzjonali biex tgħaqqad lill-gżejjer b’mod aħjar ma’ pajjiżi oħra.
Fakkar ukoll li f’konformità mal-objettiv iddikjarat, dan is-sajf l-Air Malta se tilqa’ żewġ Airbus A320NEOs ġodda fil-flotta tagħha.
Dan is-sajf l-Air Malta se tkun qed topera titjiriet diretti lejn Amsterdam, Birmingham, Berlin, Bristol, Brussell, Bucharest, Cagliari, Catania, Casablanca, il-Kajr, Dusseldorf, Frankfurt, Ġinevra, Hamburg, Ibiża, Lisbona, Leipzig, London Gatwick, London Heathrow, London Southend, Lourdes/Tarbes, Lyon, Kiev, Malaga, Manchester, Marsilja, Munich, Milan, Moska, Palermo, Paris Charles De Gaulle, Paris Orly, Praga, Ruma, San Pietruburgu, Tel Aviv, Tbilisi, Tuneżija, Venezja, Vjenna, Varsavja u Zurich.
Minbarra s-servizzi skedati, f’kooperazzjoni ma’ aġenti tal-ivvjaġġar lokali, l-Air Malta ser topera serje ta’ titjiriet charter lejn Ljubljana, Dubrovnik u Krakow.
L-istqarrija tfakkar ukoll li l-linja tal-ajru Nazzjonali Maltija se tkompli bil-ftehimiet ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi ma’ airBaltic, Air France, Air Italy, Alitalia, Aeroflot, Austrian Airlines, Emirates, Etihad, KLM, Lufthansa, Brussels Airlines, Czech Airlines, Swiss Airlines u Turkish Airlines.