Massimu ta' €180,000 f'assigurazzjoni lil kull membru tal-forzi tal-ordni

F'każ ta' inċident fuq il-post tax-xogħol, dawn il-ħaddiema jew qrabathom, f'każ ta' mewt, se jkunu qed jingħataw kumpens mingħajr bżonn li jmorru l-Qorti

Ħaddiema tal-forzi tal-ordni se jkunu qed jingħataw pakkett ta’ assigurazzjoni li jlaħħaq il-€180,000 kull persuna f’każ ta’ diżabilità permanenti jew mewt wara inċident fuq il-post tax-xogħol.

Ħabbru dan il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia.

Huma spjegaw li dan il-pakkett ta’ assigurazzjoni se jkun japplika għall-ħaddiema, kemm dawk li jaħdmu full-time u part-time, u li huma impjegati mad-Dipartiment tad-Dwana, mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, mal-Armata, mal-Korp tal-Pulizija, jew huwa Uffiċjal Korrettiv f’Kordin.

L-ammont li l-ħaddiem jingħata jvarja skont il-gravità tal-każ u d-dannu li jkun sofra l-ħaddiem jew qrabatu f'każ ta' mewt.

Il-Ministru Edward Scicluna qal li dan il-kumpens se jkun qed jingħata mingħajr il-bżonn li familja tmur il-Qorti.

Il-Ministru Michael Farrugia spjega li t-talba kienet ilha ssir, iżda insista li l-bżonn inħass aktar wara l-inċident ta’ Simon Schembri, u anke l-periklu li bosta ħaddiema affaċċjaw fl-aħħar jiem kawża tal-maltemp.

“Dawn huma l-persuni li b’mod kontinwu, qegħdin hemmhekk biex isalvaw u jipproteġu. Imma fl-istess ħin qed ipoġġu lilhom infushom f’periklu,” temm jgħid Farrugia.

More in Politika