'Għadna fil-ħin biex il-President nagħżluh bil-vot ta' żewġ terzi tal-Parlament'

Adrian Delia saħaq li jekk il-Prim Ministru verament għandu għal qalbu l-għaqda nazzjonali m'għandux jaħtar President mill-kamp tal-Partit Laburista

“Għadna fil-ħin li l-President tar-Repubblika l-ġdid li jrid jinħatar fi żmien ftit ġimgħat oħra jiġi maħtur bil-vot ta' żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati.” Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li matulha saħaq li jekk il-Prim Ministru verament għandu għal qalbu l-għaqda nazzjonali m'għandux ikun mill-kamp tal-Partit Laburista.

Il-Kap Nazzjonalista qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar ir- rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni Venezja.

“Xahrejn minn meta ġew ippubblikati rrakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja dwar Malta u minkejja li l-Gvern qal li jaqbel ma dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-fatt għadu ma sar xejn konkret  sabiex idaħħal fis-seħħ tibdiliet importanti li jassiguraw l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ta' pajjiżna,” saħaq Delia.

Huwa insista li l-pajjiż għandu bżonn urġenti li jkollu sistema ġdida kif isiru ħatriet importanti, fosthom tal-President tar-Repubblika u anke tal-Imħallfin u l-Maġistrati, li l-Kummissjoni Venezja qed tisħaq li ma għandhomx jinħatru mill-Prim Ministru.

Fil-fatt, il-Kummissjoni tirrakkomanda li għandu jitnaqqas il-poter li għandu l-Prim Ministru fejn jidħlu anke l-ħatriet ta’ Kummissjonijiet u awtoritajiet Kostituzzjonali.

Tappella wkoll biex l-Avukat Ġenerali ma jibqax jilbes żewġt ikpiepel kontradittorji.

“Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, li hija magħmula minn esperti legali tal-Kunsill tal-Ewropa huma ċari, u simili għal dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, li l-Prim Ministru qed jaħtaf il-poter mill-istituzzjonijiet, jikkontrollahom u jxekkel l-awtonomija tagħhom, b'detriment għas-saltna tad-dritt,” saħaq il-Kap Nazzjonalista.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li malajr kemm jista’ jkun isiru l-emendi neċessarji biex:

Il-President tar-Repubblika jkun elett b'żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati; u

  • Biex il-kummissjonijiet kollha li huma msemmija fil-Kostituzzjoni, bħall-Awtorità tax-Xandir, il-Kummissjoni Elettorali, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u oħrajn, ikollhom iċ-chairperson tagħhom maħtur b'żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati, u fin-nuqqas b'ħatra diretta mill-President tar-Repubblika.

“Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex ma jkaxkarx iżjed saqajh għax saret biżżejjed ħsara lir-reputazzjoni ta' pajjizna.  Wasal il-mument li dawn it-tibdiliet jingħataw l-akbar importanza.  Il-Partit Nazzjonalista lest li jagħti s-sehem sħiħ tiegħu biex dan iseħħ. Il-Gvern bil-paroli jidher li jrid izda bil-fatti ftit li xejn ghamel,” temm jgħid il-Kap Nazzjonalista.

Intant, il-gazzetta ILLUM kienet staqsiet lill-Partit Nazzjonalista dwar jekk għandux f'moħħu xi persuni għall-President, iżda insista li dan mhux żmien li wieħed jispekola b'ismijiet.

More in Politika