Proġett li qed isir mill-kumpanija Enemed f’Ħas-Saptan u ieħor simili ħdejn l-ajruport, b’investiment ta’ € 70 miljun, se jwassal biex tingħalaq il-faċilità tat-tankijiet tal-ħażna tal-fuel f’Birżebbuġa.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi żar dawn ix-xogħlijiet u fakkar li għal diversi snin, il-ħażna tal-fuel, ilha ssir f’impjant li qiegħed fil-qalba tar-residenti f’Birżebbuġa, impjant li huwa ta’ periklu għas-saħħa tar-residenti u għas-saħħa ambjentali.
Meta jkun lest, l-impjant f’Ħas-Saptan se jkun qed juża teknoloġija li tilħaq l-istandards kollha ta’ sigurtà u l-fuel se jibda jkun immaniġġjat b’mod aktar effiċjenti.
Il-proġett ta’ Ħas-Saptan se juża 35,000 metru kwadru inqas minn dak li hemm fis-sit ta’ Birżebbuġa għax se jintużaw il-faċilitajiet tal-ħażna li hemm taħt l-art.
L-istazzjon li jinsab fuq l-art se jakkomoda bottom-loading road tankers u għaldaqstant se jiġu eliminati dħaħen li jistgħu joħorġu fl-ambjent waqt it-tagħbija u l-ħatt.
Huwa stmat li l-proġett ikun komplut lejn l-aħħar tas-sena 2019. Kif jiġi ffinalizzat il-proġett, l-impjant ta’ Birżebbuġa jieqaf jopera wara 100 sena li nfetaħ mill-kumpanija Shell.
Il-Ministru temm jgħid li dan huwa pass ieħor fl-impenn kontinwu tal-Gvern għal sistemi effiċjenti li tpoġġi bħala prijorità s-saħħa tan-nies.