Il-PN irid President Nazzjonalist…imma ma jridx jgħid min

Minkejja li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jinsisti mal-Prim Ministru biex jagħżel President Nazzjonalist, il-Partit Nazzjonalista jgħid lill-gazzetta ILLUM li mhux il-mument li wieħed jispekola bl-ismijiet

Minkejja li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella għal darba darbtejn lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jagħżel President mill-kamp politiku oppost, il-Partit Nazzjonalista għażel li ma jgħidx lil min għandu fi ħsiebu.

Il-gazzetta ILLUM ilha ġimgħat tistaqsi lill-Partit Nazzjonalista jekk hux se jkun qed jipproponi ismijiet biex ikunu kkunsidrati għall-President u reġgħet bagħtet dawn il-mistoqsijiet wara li bħal-lum ġimgħa, Delia reġa’ appella lil Muscat biex jagħżel President Nazzjonalist.

Iżda minkejja dawn l-appelli, fit-tweġiba tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qal li “ma jħossx li dan huwa l-mument li wieħed għandu jispekula dwar l-ismijiet,” anke jekk tenna li “huwa ż-żmien li l-Prim Ministru għandu jikkunsidra bis-serjetà l-proposta tal-Oppożizzjoni bl-għan li ssir l-aħjar għażla għal pajjiżna.”

Mistoqsi direttament jekk hux se jkunu qed jipproponu persuna jew persuni partikolari, kelliem għall-Partit Nazzjonalista wieġeb biss li “ma hemmx dubju li hemm diversi persuni li għandhom esperjenza fil-kamp politiku tal-Oppożizzjoni tal-ġurnata li huma idoneji għall-kariga ta’ President ta’ Malta.”

Imma l-Partit Nazzjonalista ppropona ismijiet?

Intant, din il-gazzetta tkellmet ma’ Deputati, kemm tal-Gvern u anke tal-Oppożizzjoni li qalu li sa issa l-Kap tal-Oppożizzjoni għadu ma ssuġġerixxa l-ebda isem lill-Prim Ministru.

Deputati tal-Oppożizzjoni saħansitra qalu li din il-kwistjoni għadha qatt ma ġiet diskussa fil-Grupp Parlamentari u lanqas ma għandhom idea jekk Delia għandux f’moħħu lil xi persuna partikolari.

Deputat partikolari qal li jista’ jkun li l-Prim Ministru diġà informa lill-Kap tal-Oppożizzjoni bil-persuna li beħsiebu jinnomina u li Delia qed jagħmel dawn l-appelli biex jagħmel “pressjoni” fuq Muscat.

Madanakollu, fit-tweġiba tiegħu, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni hu dispost biex jiddjaloga mal-Prim Ministru fi spirtu reċiproku u rispett u kollaborazzjoni dwar l-aħjar soluzzjonijiet fl-interess nazzjonali.

Minflok wieġeb lil min għandu f’moħħu, il-Partit Nazzjonalista tenna ma’ din il-gazzetta li fl-għażla tan-nomina għall-kariga ta’ President tar-Repubblika, il-Gvern għandu jibgħat messaġġ ċar li bil-fatti jrid jagħti sehmu għall-għaqda nazzjonali.

Saħaq li l-Presidenza tista’ tkun fattur importanti biex il-pajjiż jissaħħaħ u jibda proċess li jnissel fiduċja li “hemm aktar x’nirbħu flimkien milli jekk nibqgħu f’sitwazzjoni fejn kollox jitpoġġa f’naħa waħda” u kif għamel fl-aħħar jiem fakkar li dan is-sinjal kien ingħata 10 snin ilu, meta Lawrence Gonzi kien għażel lil George Abela bħala t-tmien President tar-Repubblika.

Iżda min se jsir President?

Issa li t-terminu tal-President Marie Louise Coleiro Preca se jintemm f’April, diversi huma dawk li qed jistaqsu min se jkun is-suċċessur tagħha, bl-aktar li qed jissemmew huma l-eks Ministru Laburista George Vella u l-Ministru Evarist Bartolo, anke jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat insista li għad ma kienx hemm diskussjonijiet dwar dan.

Jekk Vella jsir President, din tkun ħatra interessanti fid-dawl tal-fatt li s-sena li għaddiet kien ikkritika bl-aħrax l-emendi fil-liġi tal-IVF li kien iddeskrivihom bħala “parodija tal-etika, tal-moralità u tad-dinjità umana.”

Għalhekk wieħed jistaqsi x’se tkun il-pożizzjoni li se jieħu George Vella jekk jinħatar President u fi żmien it-terminu tiegħu jissokta d-dibattitu dwar kwistjonijiet morali, li minn żmien għal żmien jerfgħu rashom, fosthom l-abort u l-ewtanasja u anke l-maternità surrogata li l-Gvern neħħa mill-emendi tal-IVF biex iressaqha f’liġi separata.

Tista’ tkun l-aktar ħatra importanti…

Intant, wieħed ma jistax jinsa lanqas li l-ħatra tal-President li jmiss tista’ tkun l-aktar waħda importanti, hekk kif bħalissa għaddejjin id-diskussjonijiet dwar ir-Riforma Kostituzzjonali li l-Gvern wiegħed li jwettaq u li qed jitmexxew mill-President attwali.

Dan apparti r-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Demokrazija Permezz tal-Liġi (Il-Kummissjoni Venezja), biex il-President tar-Repubblika jingħata jew tingħata aktar poteri biex ma jibqax jaġixxi biss fuq il-pariri tal-Prim Ministru.

Fost oħrajn, il-Kummissjoni qed tirrakkomanda li l-Kumitat għall-Ħatriet fil-Ġudikatura għandu jkun unikament responsabbli minn dawn il-ħatriet u jkun dan l-istess Kumitat li jipproponi l-ismijiet tal-kandidati lill-President.

Apparti minn hekk, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-President ikun elett u anke jitneħħa b’maġġoranza kkwalifikata fil-Parlament, minflok b’maġġoranza sempliċi. Kif inhi l-proċedura bħalissa, il-President jinħatar anke jekk l-Oppożizzjoni ma taqbilx.

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet mal-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici li kien insista li l-poteri tal-President ma għandhomx jikbru, għax fi kliemu “il-qagħda tal-lum tagħti lill-President awtorità biżżejjed biex jeżerċita bilanċ.”

Mistoqsi dwar il-metodu tal-ħatra, Mifsud Bonnici kien saħaq li qabel jintgħażel President, il-maġġoranza għandha tfittex ftehim jew kunsens mill-Oppożizzjoni, filwaqt li jaqbel li biex President jitneħħa, ikun hemm bżonn maġġoranza kkwalifikata.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru kien qal li l-Gvern jaqbel ma’ ħafna mill-proposti u l-konklużjonijiet li għamlet il-Kummissjoni Venezja u se jkun qed jikkonsulta u jiddiskuti bl-għan li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet.

Intant, anke l-Partit Demokratiku qiegħed jinsisti li qabel jispiċċa t-terminu ta’ Coleiro Preca, għandha ssir emenda Kostituzzjonali bl-għan li l-President li jmiss jinħatar b’żewġ terzi tal-vot Parlamentari u biex ikollu miegħu kunsill ta’ esperti li jagħtih pariri imparzjali biex ikun jista’ “iħares, jipproteġi u jiddefendi l-Kostituzzjoni.”

More in Politika