‘Tkun l-aħħar daqqa’ ta’ ħarta għax-Xgħajra.’ Ir-residenti kontra li tinbena l-kosta

Possibbiltà li ssir reklamazzjoni għal art fix-Xgħajra. L-ILLUM titkellem mar-residenti tax-Xgħajra u ma’ diversi persuni fuq din il-kwistjoni, fosthom: Sandro Chetcuti, Andrè  Callus u Anthony Valvo

Jidher biċ-ċar li l-pjanijiet għar-reklamazzjoni għall-art f’diversi żoni madwar Malta se jqajmu dibattitu qawwi f’pajjiżna. Bħal-lum ġimgħa, f’sala ppakkjata fix-Xgħajra, ir-residenti tal-lokalità għamluha ċara li huma kontra kull forma ta’ reklamazzjoni ta’ art li se tkun qiegħda tbiddel il-kosta naturali tax-Xgħajra.

Minkejja dan it-tħassib serju min-naħa tar-residenti, s’issa għadu m’hemmx konferma uffiċjali li r-reklamazzjoni tal-art se sseħħ f’din il-lokalità. It-tħassib kien imqanqal minn mappa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li ppubblikat il-gazzetta oħt MaltaToday fl-aħħar tas-sena 2018. Skont din il-mappa, il-kosta li testendi mix-Xgħajra sa Portomaso, f’San Ġiljan, hi waħda miż-żoni ideali għar-reklamazzjoni tal-art.

Fid-dawl ta’ dan kollu, din il-ġimgħa l-ILLUM niżlet fir-raħal żgħir u seren tax-Xgħajra, bl-għan li titkellem mar-residenti fuq din il-kwistjoni. Apparti minn hekk din il-gazzetta tkellmet ma’ diversi nies oħra fuq din il-kwistjoni,  fosthom is-Sindku tax-Xgħajra Anthony Valvo, Sandro Chetcuti, u Andrè Callus mill-Moviment Graffitti.

‘Ix-Xgħajra kien hawn posidonia, imma qerduha bl-affarijiet li tefgħu’

Resident li tkellem ma’ din il-gazzetta saħaq li, “reklamazzjoni għal art fix-Xgħajra se tkun l-aħħar daqqa ta’ ħarta għal-lokalità.” Ir-raġel, li hu wkoll għaddas attiv f’din il-lokalità qal li, “Allaħares issir. Din iż-żona diġà ġiet affettwata bil-proġett ta’ Smart City u l-proġett tal-Impjant tad-drenaġġ ta’ Barkat. Għandi 49 sena u ili mill-1987 ninżel nogħdos hawnhekk biċ-ċilindri. Nista’ ngħid li matul iż-żmien hawnhekk inbidel totalment.”

Għaddas ieħor li tkellem ma’ din il-gazzetta saħaq li, “intqal li hawn diversi żoni għar-reklamazzjoni u l-iżjed waħda preferita hi dik f’Baħar iċ-Ċagħaq. Imma hemmhekk qalu li hemm ħafna tħassib rigward il-qerda tal-posidonia. L-Ironija li hawnhekk kien hawn posidonia imma bl-affarijiet li ntefgħu fil-baħar meta nbena Ta’ Barkat, qatlu kulm’hemm,” sostna dan ir-resident tax-Xgħajra.

Hu kompla jgħid, “ma tridx tkun xi ġenju ta, biex tinduna bil-qerda li saret hawnhekk. Jiena ilni żmien nogħdos. Il-ħaxix din is-sena maħruq kien u anke n-nies li normalment jiġu jgħumu hawn, kulħadd innota li l-baħar ma kienx l-istess din is-sena. Qabel kont nara l-baħar mimli bekkum, sriedak il-baħar, artiklu, u ħafna speċi oħra. Illum kważi xejn,” temm jgħid dan ir-resident.

Dan l-istess punt qam ukoll f’konverżazzjoni simili li din il-gazzetta kellha ma’ għaddas ieħor li min-naħa tiegħu spjega kif din iż-żona nbidlet matul iż-żmien. B’ton nostalġiku dan ir-raġel anzjan jibda jirrakkonta:

“Ilni ngħum u nogħdos bin-nifs ħajti kollha. Kemm niftakar aktar ġid hawnhekk! Ara, qiegħed tarah dak il-banju hemmhekk (jipponta lejn biċċa qatgħa fil-blat)? Qabel kien ikun kollu mimli mzazen, gambli, u budakkri. Kont naqbad il-qarnit minn pied ilma. Mur arah issa. Vojt. Spiċċa kollox hawn, u jekk jitfgħu dak it-terrapien li qalu, verament nistgħu nżarmaw.”

Is-Sindku tax-Xgħajra Anthony Valvo
Is-Sindku tax-Xgħajra Anthony Valvo

“Il-Kunsill tax-Xgħajra ma kienx ikkonsultat fit-tnedija tar-rapport.”

Fil-kummenti li ta lil din il-gazzetta, Anthony Valvo, is-Sindku tax-Xgħajra,  saħaq li, “fil-proċess tat-tnedija tar-rapport, il-kunsill tax-Xgħajra ma kienx ikkonsultat. Żied jgħid li, “bħala kunsill aħna kontra li din ir-reklamazzjoni sseħħ hawnhekk.  Se tbiddel ir-raħal u l-ħajja ta’ ħafna nies li jgħixu hawnhekk li ilhom għomorhom imdorrija b’post miftuħ, kwiet, u mimli serenità.”

Hu kompla jgħid, “għandna nofs kilometru xatt sabiħ wisq. Diġà twikkejna bl-impjant tad-drenaġġ li meta jkun riħ isfel minnu toħroġ riħa xejn pjaċevoli għar-residenti u anke għall-istudenti fl-iskola tal-viċin.”

Andre Callus mill-Moviment Graffitti
Andre Callus mill-Moviment Graffitti

‘Aħna diġà wrejna li ninsabu wara r-residenti tax-Xgħajra’

Andrè Callus mill-Moviment Graffitti saħaq mal-ILLUM li, “avolja bħalissa m’hemm xejn tanġibbli, il-Ħadd li għadda, bħala għaqda diġà

wrejna li aħna kontra li tinqered din il-kosta. Ninsabu mija fil-mija wara r-residenti tax-Xgħajra u se nkunu qegħdin nagħtu l-appoġġ totali tagħna,” sostna Callus.

F’intervista separata ma’ din il-gazzetta Callus kien diġà sostna li, “ir-reklamazzjoni tal-art tinvolvi l-qerda ta’ roqgħa kbira ta’ qiegħ il-baħar. Iżda l-effetti negattivi ma jiqfux biss mal-qerda ta’ din ir-roqgħa li fuqha ssir ir-reklamazzjoni tal-art. L-ekosistema hija katina li kif tmiss parti waħda minnha, taffettwa l-partijiet l-oħra kollha. Il-baħar huwa essenzjali f’ħajjitna, kemm fuq livell ekonomiku u soċjali, kif ukoll fuq dak ambjentali,” spjega l-attivist.

Sandro Chetcuti
Sandro Chetcuti

‘Reklamazzjoni tal-art għandha sseħħ biss għall-interess nazzjonali’

Din il-gazzetta tkellmet ukoll mal-President tal-Malta Developers Association (MDA) Sandro Chetcuti. Mistoqsi fuq din il-kwistjoni, Chetcuti sostna li, “ma nistax nikkummenta fuq il-pożizzjoni tal-MDA f’dan l-istadju għaliex għadna ma ddiskutejniex.”

Minkejja dan Chetcuti saħaq li fuq livell personali huwa tal-opinjoni li, “kull proġett li jinkludi reklamazzjoni tal-art għandu jsir fl-interess nazzjonali biss u mhux fl-interess għall-ispekulaturi.”

Kif wasalna f’din is-sitwazzjoni?

Lura fl-2013, il-Gvern kien ħatar bord għall-evalwazzjoni tal-proposti għar-reklamazzjoni tal-art, iżda fl-aħħar snin ftit issemma dwarha, sakemm jiem ilu, il-Ministru għall-Ambjent José Herrera ddikjara li r-reklamazzjoni tal-art hija bżonn u “żgur trid issir.”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien saħaq li l-iskart tal-kostruzzjoni li se jkun iġġenerat mill-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex jista’ jintuża għar-reklamazzjoni tal-art.

Huwa insista li din il-mina se tkun qed tiġġenera skart tal-kostruzzjoni daqs dak li jkun iġġenerat fi tliet snin, u saħaq li dan ma għandux sempliċiment jintrema fil-baħar. “Din hija riżorsa u għandna nagħmlu użu minnha,” kompla Muscat.

Il-Prim Ministru kien semma Baħar iċ-Ċagħaq bħala waħda miż-żoni l-aktar adwegwati, anke jekk semma diversi ostakli għal din iż-żona, fosthom minħabba posidonia, jew alka partikolari li jkun hemm fl-inħawi, liema posidonia hija protetta permezz ta’ liġijiet ambjentali Ewropej.

Intant, f’intervista separata mal-gazzetta oħt MaltaToday, id-Direttur tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi Michelle Piccinino kienet spjegat li, “l-Awtorità għadha għaddejja bl-ispezzjonijiet tagħha biex tidentifika l-aħjar post, u li ma hemm l-ebda deċiżjoni konklużiva fuq is-sit partikolari.”

Fl-istess intervista hi kienet saħqet li, “il-kosta tan-Nofsinhar hija eskluża minħabba li qiegħ il-baħar mhux ideali għar-reklamazzjoni u kif żoni viċin il-Port il-Kbir ma jistgħu qatt ikunu magħżula għar-reklamazzjoni.”

Min-naħa l-oħra hi kienet qalet li, “iż-żoni kollha mal-kosta minn Marsaxlokk sat-Tramuntana ta’ Għawdex jistgħu jkunu ideali.”

More in Politika