'L-UE għandha tiġġieled l-korruzzjoni, inkella l-proġett politiku jitpoġġa f’riskju'

 Metsola kienet qed titkellem f'dibattitu tal-Kumitat dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza Rumena

Waqt li kienet qed titkellem f’dibattitu ta’ Kumitat dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza Rumena, il-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Unjoni Ewropea għandha tiġġieled kontra l-korruzzjoni b’kull mezz possibbli, għax inkella l-proġett politiku jitpoġġa f’riskju.

Hi u tindirizza l-Ministru tal-Ġustizzja u l-Ministeru tal-Intern, Roberta Metsola nsistiet li post ir-Rumanija għandu jkun fiċ-ċentru tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari f’perjodu fejn qed imexxi l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew.

“Il-Presidenza għandha tkun ta’ eżempju għall-valuri Ewropej kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea, iżda anke mal-bqija tad-dinja,” qalet Metsola.

Bħala Koordinatriċi tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern, Roberta Metsola qalet “Il-poplu Rumen hu kburi li hu ċittadin Rumen, iżda wkoll kburi li hu Ewropew, u għalhekk l-Unjoni Ewropea tfisser protezzjoni u garanzija tal-istess valuri. Il-Parlament Ewropew se jibqa’ jiddefendi dawn il-valuri u se jibqa’ jkun viċin il-poplu Rumen, u l-popli l-oħra Ewropej.”

More in Politika