'Se nibqa' niġġieled għalija, għall-uliedi u għal pajjiżi' - Delia

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jinsisti li se jara min huma dawk li wżaw ħajtu għall-gwadann politiku u jieħu passi

Il-kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia
Il-kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wissa illi se jkun qed jieħu passi kontra dawk li, skontu, qed jieħdu vantaġġ mill-ħajja personali tiegħu għal skopijiet politiċi.

Fuq Net FM dalgħodu Delia sostna illi hu mhux se jikkummenta dwar is-separazzjoni tiegħu, hekk kif kien maħluf quddiem il-Qorti bejnu u Nikki De Fremaux. Huwa kien qed jirreaġixxi għal dokumenti u awdjo ta' argumenti privati li kellu ma'  De Fremaux u li spiċċaw iduru fuq il-midja soċjali. 

Huwa qal illi se jirreżisti "attentati malizzjużi" biex materji privati jinbidlu f'materji politiċi. Delia qal illi se jsib min huma dawk li qed jippruvaw  jagħmlu dan u li jekk ikun hemm bżonn jikkunsidra li jieħu azzjoni kontrihom. Huwa ma elaborax aktar dwar dan il-punt.

"Il-ġlieda tiegħi se tkompli u se nkompli niġġieled b'konvinzjoni akbar għalija, għall-uliedi u għal pajjiżi."

"Irrid nirringrazzja lill-ħafna Maltin u Għawdxin li wrew solidarjetà qawwija miegħi f'dawn l-aħħar ġranet," temm jgħid Adrian Delia.

More in Politika