Il-Partit Demokratiku ressaq mozzjoni fil-Parlament bil-għan li titwaqqaf Kummissjoni li tinvestiga l-qtil ta’ Karin Grech, Raymond Caruana u Daphne Caruana Galizia.
L-għan ta’ din il-mozzjoni tal-Partit Demokratiku huwa li temenda dik li se tkun diskussa llum fil-Parlament u minflok tinfetaħ investigazzjoni indipendenti dwar il-qtil ta' Caruana Galizia biss, din l-istess investigazzjoni tkun tinkludi wkoll il-qtil ta' Karin Grech u Raymond Caruana.
Għal dan il-għan, il-PD qed jipproponi li titwaqqaf “kummissjoni verament independenti mill-politika, il-Gvern, il-Oppożizzjoni u l-Pulizija Maltija, liema kummissjoni għandha ġġib l-isem ta’ Kummissjoni Verità u Ġustizzja.
Il-mozzjoni tisħaq li din il-Kummissjoni għandha:
- tinvestiga ċ-ċirkostanzi tal-assassinju ta’ Karen Grech, Raymond Caruana u Daphne Caruana Galizia;
- tiddetermina jekk l-awtoritajiet kinux jafu, jew kellhomx ikunu konxji ta’ riskju reali u immedjat għal ħajjet il-Professur Edwin Grech (missier Karin Grech) u familtu, Raymond Caruana u l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia,
- teżamina jekk kienx hemm responsabiltà tal-istat (kemm jekk intenzjonata kif ukoll jekk b’negliġenza) li jevita dawn id-delitti u jipproteġi ħajjet il-vittmi;
- tikkunsidra jekk id-drittijiet umani tal-vittmi ta’ dawn id-delitti u qrabathom ġewx miċħuda; u
- tagħmel rakkomandazzjonijiet għal miżuri sabiex issaħħaħ l-ambjent politiku Malti u l-libertà tal-espressjoni, inkluż il-protezzjoni ġurnalistika.
Il-Partit Demokratiku qed jipproponi li l-Parlament jaqbel li immedjatament jibdew il-preparamenti neċessarji biex titwaqqaf il-Kummissjoni, u jagħti l-permess li jitressaq abbozz ta’ liġi b’mod urġenti sabiex isiru l-emendi neċessarji, fost oħrajn.