Il-Kandidat tal-Alternattiva Demokratika għall-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, Luke Caruana, ressaq oġġezzjoni għall-applikazzjoni tal-lukanda Panorama fil-Mellieħa biex iżżid tliet sulari oħra.
Caruana saħaq li jekk dan il-proġett ikun approvat, l-iżviluppaturi se jingħataw skuża bla preċedent biex ikunu jistgħu jiżdiedu s-sulari ta’ binjiet oħra fil-qalba tal-Mellieħa.
Huwa insista li l-lukanda tinstab viċin ħafna ta’ residenzi li se jispiċċaw bil-veduta mgħottija u b’inqas dawl tax-xemx.
“Din iż-żona diġà hija żviluppata ħafna, bit-toroq ma jifilħux għal aktar traffiku,” insista Caruana. “Ir-residenti se jitilfu biss minn dan il-proġett li se jħassar kompletament l-iskyline tal-villaġġ.”