Fid-dawl tal-mozzjoni ta' sfiduċja li l-Partit Demokratiku ressaq kontra l-Ministru Konrad Mizzi u li ġiet prattikament injorata' mill-Partit Nazzjonalista, illum il-PD saħaq li “b’għemilu Adrian Delia kompla jnaqqar l-ftit fiduċja li jgawdi fostna.”
Skont il-PD, “jekk Adrian Delia mhux politiku tal-'paroli si u fatti no' u verament għandu għal qalbu l-interess ta’ Malta, għandna npoġġu madwar mejda u nipproponu bord t’inkjesta li jissodisfa t-tweġibiet raġunati għal dawn it-tlett mistoqsijiet li qed inpoġġu illum."
Il-PD sostna li għandu tliet mistoqsijiet għal Adrian Delia u dawk ta' madwaru.
- Temmen li l-Prim Ministru kapaċi jagħżel u ser jagħżel bord verament indipendenti sabiex iwassal verità’, ġustizzja u bidla li Malta tant għandha bżonn?
- Temmen li bord t’inkjesta mqabbad mill-Prim Ministru ser jingħata dak kollu li hu meħtieġ sabiex iwassal verità, ġustizzja u bidla?
- Trid li jkun hawn bidla dejjiema fil-pajjiż, jew iktar mill-istess?
Fuq ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Power Station ta’ Delimara, il-PD qal li, “m’għandna l-ebda fiduċja f’bord maħtur mill-Prim Ministru. Il-Prim Ministru wera biċ-ċar ma’ min iżomm f’dawn l-aħħar xhur u snin: Mhux mal-ġustizzja u l-verità iżda ma’ Keith Schembri u dawk li Keith Schembri jħobb." saħaq il-PD.
Intant rigward il-qtil ta’ ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-PD sostna li, “aħna bħala pajjiż haqqna nkunu nafu l-verità u fuq kollox ikollna xaqq ta’ dawl li ser ssir bidla dejjiema fil-mod kif jsiru l-affarijiet mingħajr indħil politiku. Jekk ma ninbidlux, mela hemm ċans li l-klika, hi min hi, li qatlet lil Daphne, terġa'’ toqtol," qal il-PD.