Frank Psaila, preżentatur u kandidat prospettiv għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista saħaq li post li jintuża għar-rikreazzjoni mit-tfal u l-familji ma għandux jinbidel post biex fih jorqdu n-nies, la Maltin u lanqas barranin.
Huwa qal dan fuq Facebook waqt li tefa’ diversi ritratti ta’ immigranti reqdin f’bandi biswit il-Knisja tat-Trinità fil-Marsa.
Psaila saħaq li “dawn il-postijiet ma jistgħux jibqgħu jintużaw għal skopijiet li mhux maħluqa għalihom.”
Kien għalhekk li insista li l-pajjiż mhux biss jeħtieġ strateġija ċara dwar kemm jiflaħ jieħu immigranti, iżda għandu jkun hawn "programm mifrux u serju fejn min jiġi f’pajjiżna japprezza, isegwi u jġib rispett kemm lill-pajjiż u anke lill-poplu tiegħu.”
Appella biex il-Pulizija jingħataw aktar riżorsi biex iżidu l-infurzar u li l-pajjiż ikollu xogħol li jrendi għal kulħadd, b’oqsma ekonomiċi li jattiraw barranin ta’ kwalità.
Insista wkoll li għandha tkun regolata s-sitwazzjoni tal-kirjiet waqt li saħaq li ma jistax ikun li post wieħed jibqgħu jgħixu 10 persuni.
“Ħadd ma għandu, jew jixraqlu, jorqod barra fit-triq. Ħadd. L-ebda persuna,” temm jgħid Psaila. “Jeħtieġ dinjità għal kulħadd, Malti u mhux. Fil-lokalità tiegħek għandek dritt tgħix f'armonija ma’ kulħadd b'serħan il-moħħ u fis-sigurtà.”