Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, qal li l-Kummissjoni Ewropea għandha tinvestiga jekk l-Awtorità Maltijia għas-Servizzi Finanzjarji hijiex verament ħielsa mill-kunflitt ta’ interess fis-superviżjoni tagħha tas-settur finanzjarju u bankarju.
F’ittra, mibgħuta lill-Ewroparlamentari Ana Gomes, Frans Timmermans qal li l-Kummissjoni taqbel li l-Awtorità Bankarja Ewropea tinvestiga lill-MFSA.
“L-EBA għandha tinvestiga jekk l-MFSA żammitx mal-obbligazzjonijiet kollha wara dak li qed jidher bħala nuqqas ta’ azzjoni kontra istituzzjonijiet bankarji privati li għad għandhom liċenzja biex jipprovdu servizzi fl-Unjoni Ewropea,” kiteb Timmermans.
Kienet Gomes stess li f’April li għadda kitbet lil Timmermans tisħaq li dak li qed jikxef il-Proġett Daphne, dwar il-Ministru Konrad Mizzi, iċ-Chief of Staff Keith Schembri u anke l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona, huwa ta’ tħassib serju għall-Unjoni Ewropea.
Kitbet ukoll li s-skiet min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea huwa inaċċettabbli u għalhekk talbitu biex jiltaqa’ mad-delegazzjoni, li tmexxi hi u li ġiet darbtejn f’Malta biex tinvestiga l-ħarsien tal-liġi.
Fir-risposta tiegħu, Timmermans insista li l-Kummissjoni Ewropea temmen bis-sħiħ li hemm bżonn investigazzjoni imparzjali dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia u jekk ikun hemm bżonn, lesta tieħu passi fuq informazzjoni li jippubblika l-Proġett Daphne.
Minkejja dan, ċaħad li l-Kummissjoni kienet siekta u fakkarha fiż-żjara tal-Kummissarju għall-Ġustizzja, Vera Jourova, li lbieraħ kienet f’Malta u anke wriet it-tħassib tagħha dwar il-ġlieda ta’ Malta kontra l-ħasil tal-flus u anke l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.
Meta kien qed iwieġeb dwar il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment, Timmermans fakkar lil Gomes li l-Kummissjoni qed tistenna studji li qiegħed isir fl-Unjoni Ewropea kollha biex tkun tista’ tippubblika rapport dwar skemi simili.