Il-Kuntistabbli tal-Pulizija Simon Schembri se jkun fost l-ewwel pazjenti li se jibbenefikaw mid-dipartiment il-ġdid tal-prosteżi fl-Isptar San Luqa.
Waqt l-inawgurazzjoni li saret dalgħodu, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fil-jiem li ġejjin, Schembri se jsirlu intervent biex igawdi mill-aktar prosteżi avvanzata.
Simon Schembri tilef idu wara li tkaxkar 400 metru taħt karozza meta żagħżugħ ta’ 17-il sena saq għal fuqu wara li waqqfu biex jitolbu d-dokumenti tas-sewqan.
Intant, waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Fearne insista li madwar 15,000 pazjent se jkunu qed jibbenefikaw minn dan id-dipartiment il-ġdid.
“Dan id-dipartiment mhux biss se joffri ambjent aktar sabiħ, iżda servizz aħjar lill-pazjenti,” qal Fearne waqt li spjega kif ċertu prosteżi li qabel kienu jinħadmu barra minn Malta se jibdew isiru fil-pajjiż.
Spjega kif hawn domanda kbira għall-prosteżi, l-aktar minħabba r-rata għolja tad-dijabete.
Huwa rringrazja lil Steward Health Care għal dan il-proġett u qal li dan huwa eżempju ċar ta’ kif se jibdew isiru x-xogħlijiet ta’ tisbiħ fl-isptarijiet.