Il-veduti ta’ Manoel Island, mill-waterfront tal-Gżira, mistennija jinbiddlu drastikament hekk kif il-MIDI qed jipproponi li jibni 610 appartamenti ġodda.
Ritratti ta’ kif inhuma l-veduti bħalissa u kif se jidhru wara l-kostruzzjoni, kienu ppubblikati fl-Environment Impact Assessment għal dawn l-iżvilupp.
Mir-ritratti wieħed jinnota li l-impatt fuq il-veduti mill-port ta’ Marsamxett se jkun wieħed minimu iżda min se jkun miexi passiġġata max-xatt tal-Gżira se jinnota bidla radikali.
Is-sit MaltaToday ippubblika dawn ir-ritratti u tista’ tarahom billi tagħfas hawn.
Jidher li l-appartamenti se jkunu qed jostakolaw għal kollox il-veduti fil-bogħod ta’ Ta’ Xbiex u l-Imsida.
Il-pont li wieħed jaqsam minn fuqu mill-Gżira għal fuq Manoel Island se jinbidel kompletament, bil-villaġġ tal-papri se jitneħħa għal kollox. Dan apparti bini ġdid propost għall-Villaġġ Marittimu.
Meta kkumparat mal-masterplan li kienet approvata fl-1999, l-iżvilupp propost issa se jkun qed iżid l-ammont ta’ residenzi iżda se jkun qed isir fuq 8,000 metru kwadru inqas minn dak propost oriġinarjament.
B’kollox se jkun jinkludi, 610 appartamenti, lukanda ta’ ħames stilel fil-kumpless tal-Lazzarett, għadd ta’ ħwienet, 183 post għall-irmunkar tal-jottijiet u anke faċiltajiet sportivi.