L-eks Ministru Austin Gatt tilef libell kontra l-gazzetta MaltaToday dwar rapport li kienet ippubblikat fuq l-iskandlu taż-żejt.
Il-gazzetta kienet irrappurtat kif George Farrugia kien allegatament iltaqa’ mal-Ministru Gatt u ddiskutew il-provvista taż-żejt lil Enemalta.
Austin Gatt dejjem ċaħad li ltaqa’ ma’ Farrugia dwar dan is-suġġett, iżda l-editur maniġerjali tal-MaltaToday, Saviour Balzan, kien insista li l-gazzetta għandha f’idha imejls li juru iswed fuq l-abjad kif George Farrugia kien iltaqa’ mal-Ministru.
Minkejja dan, fl-ebda ħin ma kien qal li Gatt kien jaf jew kien involut fi kwalunkwe ftehim illeċitu.
George Farrugia kien implikat f’diversi każijiet ta’ tixħim ma’ uffiċjali tal-Enemalta.
Imejls, trasferimenti tal-bank u anke chats li kienu żvelati mill-MaltaToday juru kif George Farrugia kellu rwol importanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-provvista taż-żejt lill-Enemalta.
Korrispondenza oħra turi kif Farrugia kien iltaqa’ mal-Ministru Austin Gatt fi żmien li l-Enemalta kienet taqa’ taħt il-portafoll tiegħu.
Intant, fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Francesco Depasquale, insista li l-paragrafu li dwaru fetaħ il-libell Austin Gatt kien jisħaq li George Farrugia kellu kuntatt ma’ diversi persuni li għandhom x’jaqsmu mal-Enemalta, inkluż il-Ministru stess, iżda saħaq li mkien fl-artiklu ma hemm xi tip ta’ implikazzjoni li Austin Gatt kien involut f’azzjonijiet korrotti.
Il-Maġistrat Depasquale tkellem ukoll fuq l-importanza tal-ġurnaliżmnu investigattiv filwaqt li nnota b’dispjaċir kif Balzan kellu jqatta’ erba’ snin jippreżenta ftit ftit l-evidenza tiegħu. Fi kliem il-Maġistrat, id-dewmien la huwa tajjeb għas-soċjetà u lanqas għas-sistema ġudizzjarja.
Iż-żewġ partijiet għandhom iħallsu l-ispejjeż rispettivi.