Il-parkeġġ ta’ quddiem il-Fosos tal-Furjana jista’ jinbidel f’raddiena għolja 45 metru wara applikazzjoni minn Liam Mangion, is-sid ta’ Extreme Events u anke shareholder tal-amusement ride, Slingshot Malta.
Is-sit illum.com.mt tkellem mas-Sindku Furjaniża, Davina Sammut Hili li saħqet kif semgħet bl-applikazzjoni minn dak irrappurtat mill-MaltaToday filwaqt li nsistiet li kienet tistenna li Mangion jikkomunika mal-Kunsill Lokali dwar il-pjan tiegħu.
Is-Sindku saħqet li l-Furjana diġà għandha problema ta’ parkeġġ u jekk Mangion jingħata l-permess, se jkun ifisser li jonqos 100 parkeġġ ieħor.
“Dawk il-karozzi se jispiċċaw kollha fit-toroq tal-Furjana,” saħqet Sammut Hili.
Apparti l-impatt viżwali li r-rota se jkollha fuq il-Fosos tal-Furjana u anke l-Knisja Parrokjali ta’ San Publju, is-Sindku staqsiet x’se jkun qed jiġi mill-attivitajiet u l-kunċerti li jsiru fuq il-Fosos jekk jingħata l-permess.
Insistiet li din hija art pubblika u għalhekk kellu jkun hemm konsultazzjoni dwarha mal-awtoritajiet kollha kkonċernati, inkluż Transport Malta.
Mal-MaltaToday, Liam Mangion ikkonferma li l-Awtorità tal-Artijiet ma oġġezzjonatx li jkompli bl-applikazzjoni tiegħu.
Skont l-applikazzjoni, l-istruttura se jkollha bażi ta’ 30 metru u togħla daqs binja ta’ 11-il sular.