Wara li dalgħodu l-gazzetta The Sunday Times ippublikat storja li fiha rrappurtat kif iċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri kien mistieden għat-tieġ ta' Ali Sadr Hasheminejad, f'kummenti mal-gazzetta Maltatoday kelliem għall-Uffiċċju tal-PM ikkonferma li l-Prim Ministru Joseph Muscat u Michelle Muscat ukoll kienu t-tieġ taċ-ċermen tal-Bank Pilatus, li ġie arrestat iktar kmieni din il-ġimgħa.
Iċ-Ċermen tal-Bank Pilatus kien arrestat fuq akkużi ta' frodi u ħasil ta' flus fl-Istati Uniti,
It-tieġ sar l-Italja fis-sena 2015.
Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru sostna illi l-PM Muscat u martu jkunu mistednin għal diversi tiġijiet oħrajn. Filwaqt li kkonferma l-preżenza tal-PM f'dan it-tieġ flimkien maċ-Chief of Staff tiegħu, qal ukoll illi Joseph u Michelle Muscat ikkombinaw it-tieġ ma' safra tal-familja fl-istess pajjiż.
L-istess Kelliem tal-Uffiċċju tal-PM qal li kien hemm persuni oħrajn f'dan it-tieġ, fosthom id-Direttur tal-Allied Newspapers Austin Bencini.
Hasheminejad kien arrestat fuq l-akkuża ta' konfoffa biex ikun iffrodat l-Istati Uniti, akkuża li għandha piena massima ta' ħames snin. Akkużat li kkonfoffa li jikser l-IEEPA b'piena massima ta' 20 sena. Hasheminejad qed jiffaċċja wkoll l-akkuża ta' frodi tal-bank, b’piena massima ta' 30 sena, l-akkuża ta' konfoffa biex isir frodi tal-Bank, b’piena massima ta' 30 sena, dik ta' ħasil ta' flus b’piena massima ta' 20 sena u dik ta' konfoffa biex isir ħasil ta' flus, b’piena massima ta' 20 sena.
Dan ifisser li sid il-Bank Pilatus jista' jispiċċa jqatta' għomru l-ħabs.
L-akkuża ddur ma’ żewġ kumpaniji li Hasheminejad qed jingħad li ħoloq biex iservu ta’ front u għalhekk jgħatti l-fatt li parti mill-flus li kienu deħlin f’dawn il-kumpaniji kienu qed imorru għand kumpaniji jew persuni Iranjani, kontra l-liġi tal-Istati Uniti.
Fl-eqqel tal-allegazzjonijiet dwar Egrant u ftit biss qabel ma tħabbret id-data tal-elezzjoni l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien organizza konferenza tal-aħbarijiet illi matulha kien għamel allegazzjonijiet serji dwar Brian Tonna u Kieth Schembri, li dawn it-tnejn ċaħdu bil-qawwi.
L-allegazzjoni kienet li Brian Tonna irċieva €166,831 fi ħlasijiet ta’ riferiment mill-bejgħ tal-passaporti (Individual Investor Programme). Hu allega li għandu provi li juru illi Tonna irċieva dawn il-flus fil-kont li għandu f’Pilatus għall-kumpanija fil-British Virgin Islands u li kien sar, allegatament, trasferiment ta’ €100,000 minn dawn liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, f’kont li dan għandu/kellu fil-Bank Pilatus. Kemm Tonna kif ukoll Schembri ċaħdu u bdew proċeduri ta’ libell. Schembri sejjaħ dawk ta’ Busuttil; “parti minn kampanja ta’ gideb”.
.