Skiet perfett fuq il-każ ta' match fixing ta' Tarxien

Aktar minn xahar wara li l-ILLUM żvelat il-każ ta’ tixħim li jinvolvi aktar minn erba' plejers…

Kienet il-gazzetta ILLUM li f’Diċembru li għadda żvelat li l-Pulizija flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta' Malta (MFA) kienet fetħet investigazzjoni fuq numru ta' plejers mit-tim ta' Tarxien Rainbows li allegatament kienu mdaħħlin f'ċirku ta’ ‘match-fixing’.

Fid-dawl ta’ din l-istorja, din il-gazzetta bagħtet għadd ta’ mistoqsijiet lill-Pulizija. L-ILLUM staqsiet f’liema stadju waslet l-investigazzjoni kif ukoll jekk il-Pulizija kinetx se tressaq lil xi persuna bl-akkużi ta’ tixħim.

Minkejja dan il-Pulizija qalet biss illi f'dan il-mument ma setgħetx tagħti aktar dettalji dwar il-każ inkwistjoni.

L-ILLUM għamlet ukoll kuntatt mal-Malta Football Association (MFA), biex tistaqsi aktar dwar l-akkużi fuq numru ta’ plejers ta’ dan it-tim partikolari. Ir-risposta tal-kelliem tal-MFA kienet illi kulma jafu s’issa huwa li l-investigazzjoni għadha għaddejja.

Sorsi ferm viċin Tarxien Rainbows lura fil-5 ta’ Diċembru kienu żvelaw mal-ILLUM, li b’kollox ħames plejers qegħdin jiġu investigati u li kienu  nies minn ħdan il-kumitat tal-klabb stess li għaddew informazzjoni lill-Pulizija wara li saru jafu b’dawn il-każijiet.

Fost dawk il-persuni f’nofs l-investigazzjoni hemm xi plejers li fil-passat għamlu parti mill-istruttura ġovanili tat-tim nazzjonali Malti.

Ikkuntatjat mill-ILLUM, l-Uffiċjal għall-Integrità tal-MFA, Franz Tabone kien ikkonferma li għaddejja l-investigazzjoni fuq il-każ, però hu ma elaborax aktar.

Lura għal Marzu tal-2016, il-Pulizija kienet fetħet investigazzjoni fuq diversi plejers li kienu jagħmlu parti mit-tim Malti ta’ taħt il-21 sena, wara li Franz Tabone, Integrity Officer tal-MFA kien għadda informazzjoni rigward każ ta’ xiri ta’ plejers fil-logħba U-21 Malta v Montenegro.

Il-bidu tal-2018, ma tantx kien wieħed sabiħ għall-futbol lokali. Fit-tmienja ta’ Jannar, l-eks tim manager ta' Pembroke Athleta, Uchenna Anyanwu, ingħata sentenza ta’ sena ħabs, sospiża għal sentejn, kif ukoll multa ta’ €1,000 wara li nstab ħati ta’ attentat ta’ korruzzjoni. Lura għal Jannar u Frar tal-2016, Anyanwu kien ipprova jxaħħam żewġ plejers mit-tim ta' Mosta bl-għan li jirranġa r-riżultat tal-partita.

L-għada, il-Bord tal-Kontroll, l-Etika u d-Dixxiplina tal-UEFA impona sospensjoni fuq sitt plejers ta’ taħt il-21 sena ta’ Malta. Dan wara każ ta' tixħim li sar lura fl-2016 waqt il-logħbiet kontra l-Montenegro u r-Repubblika Ċeka. Kyle Cesare u Manuel Briffa ngħataw is-sospensjoni għal għomorhom minħabba akkużi ta' rranġar tal-logħob, Samir Palmier Arab ingħata sospensjoni ta’ sentejn, Ryan Camenzuli weħel sena u nofs sospensjoni waqt li Llywelyn Cremona u Luke Montebello weħlu sena kull wieħed minħabba li naqsu milli jirrapportaw it-tixħim.

Kien biss il-gowlkiper ta' Luxol Matthew Calleja Cremona li ġie meħlus minn kull akkuża.

Madankollu id-difensur Emmanuel Briffa, wieħed mil-plejers li ngħata is-sospenssjoni għal għomru qed jinsisti li hu innoċenti u li se jkun qed jiftaħ appel għall-verdett tal-UEFA.

F'kummenti mal-gazzetta oħt, MaltaToday, permezz tal-kelliem tiegħu, Briffa qal li hu kien se jibqa’ jipprotesta l-innoċenza tiegħu, li skontu kienet ukoll rikonoxxuta mill-qrati kriminali fis-sentenza tagħha.

F'Awwissu tal-2016 kemm Cesare kif ukoll Briffa kienu ġew liberati mill-akkużi ta' ‘match fixing’ relatati mal-logħba kontra l-Montenegro f'qorti lokali.

Fl-istess xahar, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji, Clifton Grima nieda konsultazzjoni pubblika dwar liġi proposta biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni fl-isports, l-abbozz se jtejjeb il-liġijiet attwali li jiffissaw il-‘match fixing’, estensjoni tal-ġurisdizzjoni ta' Malta fuq persuni involuti fil-korruzzjoni, filwaqt li joffri wkoll protezzjoni lil ‘whistleblowers’ li jitkellmu kontra l-korruzzjoni.

More in Politika