Aġġornata | Il-PN jgħid li l-Gvern għandu jkun ċar dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxa

Dan wara dikjarazzjoni li Gvernatur tal-MFSA għamel f'intervista ma' gazzetta 

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel referenza għal intervista li Gvernatur fl-MFSA Frans Camilleri kellu mal-gazzetta The Malta Independent fejn ġie kkwotat jgħid li Malta mhix kontra l-armonizzazzjoni tat-taxxa, iżda hija fil-fatt favuriha.

Dan b’referenza għad-diskussjonijiet li bosta drabi saru fl-ambitu tal-Unjoni Ewropea dwar taxxa minima armonizzata fost il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi Mario de Marco jsostni li din l-istqarrija tmur kontra l-pożizzjoni li dejjem ħadet Malta fis-snin li għaddew, fejn taqbel mal-qsim tal-informazzjoni u aktar kordinazzjoni iżda kontra l-armonizzazzjoni tat-taxxa.

De Marco saħaq li l-pajjiż dejjem kellu din il-pożizzjoni irrispettivament mil-liema partit kien fil-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk qed jappella lill-Gvern sabiex jiċċara l-pożizzjoni tiegħu billi jenfasizza li se jibqa’ jopponi kull sforz biex ikun hawn armonizzazzjoni tat-taxxa fl-Unjoni Ewropea.

'Il-pożizzjoni tal-Gvern Malti qatt ma nbidlet...'

Intant fi stqarrija l-Gvern sostna li "dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxa ma nbidlitx fejn bħala pajjiż ma nistgħux naqblu ma’ one-size-fits-all hekk kif propost permezz tal-armonizzazzjoni tat-taxxa. Dan jista’ jpoġġi f’periklu s-servizzi finanzjarji f’pajjiżna u għaldaqstant il-Gvern se jibqa’ jaħdem sabiex jissalvagwardja l-interessi ta’ pajjiżna. Wieħed għandu jfakkar li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji hi entità indipendenti."

"Ikun aħjar għall-Oppożizzjoni li tikkjarifika l-pożizzjoni mal-Membri Parlamentari Ewropej tagħha stess," temm jgħid il-Gvern.

 

 

 

More in Politika