Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li matul din is-sena l-Gvern jinsab impenjat biex Malta taġġorna l-infrastruttura virtwali, soċjali u fiżika. Il-Mexxej tal-Partit Laburista qal dan waqt l-attività annwali tal-bidu tas-sena mal-midja u l-imsieħba soċjali.
Joseph Muscat għamel referenza għall-Blockchain u enfasizza li hawn interess enormi f’pajjiżna minn investituri barranin f’dan is-settur.
Dwar il-bidliet soċjali, huwa semma l-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena fl-elezzjoni ġenerali u tal-Parlament Ewropew. Qal li din hija bidla li trid tkun l-ewwel waħda minn sensiela ta’ bidliet li jridu jsiru.
Dwar il-bidla fl-infrastruttura fiżika tal-pajjiż, il-Prim Ministru qal li għandu jkun hawn bidla għall-aħjar permezz tal-istruttura ġdida li tamministra x-xogħol infrastrutturali fit-toroq Maltin. Dan meta fisser kif hemm bidliet li jistgħu jfissru wkoll kontroversja fejn fost oħrajn għamel referenza għall-użu tal-kannabis għal skopijiet mediċi u l-produzzjoni tagħha f’pajjiżna.
Finalment, Joseph Muscat tkellem dwar id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa li jagħmlu l-istess xogħol u nnota l-fatt li l-Iżlanda kien l-ewwel pajjiż li jiddikjara din l-inugwaljanza fil-ħlas bħala illegalità.
Enfasizza li l-Gvern Malti qed iħares b’interess lejn din il-liġi u se ssir ukoll konsultazzjoni dwar dan is-suġġett.