Imniedi l-‘masterplan’ approvat ta’ Marsalforn

L-għan tal-‘masterplan’ hu biex l-operaturi jkollhom linji gwida ejn għandhom japplikaw mal-Awtoritajiet biex iżidu l-faċilitajiet turistiċi

Ġie ffinalizzat il-‘masterplan’ għal Marsalforn li se jkopri żona ta’ 12,850 metru kwadru u jinkludi fost toroq fil-qalba tal-port.

L-għan tal-‘masterplan’ hu li tinħoloq sinerġija biex l-operaturi f’din iż-żona jkollhom linji gwida ċari ta’ kif u fejn għandhom japplikaw mal-Awtoritajiet biex iżidu l-faċilitajiet turistiċi tagħhom.

Il-‘masterplan’ kien approvat wara li dan kien approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar, ġiet sottomessa l-applikazzjoni relattiva mill-Ministeru għal Għawdex u sar il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika mal-istakeholders kollha.

Iċ-Chairman tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu Joe Muscat qal li dan il-‘masterplan’ huwa importanti għas-settur turistiku u biex Għawdex kollu jiġi kkunsidrat bħala destinazzjoni ta’ kwalita.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li issa hemm is-serħan tal-moħħ li kull min ikun irid japplika biex ikollu permess jista’ jagħmel dan fil-kuntest tal-‘masterplan’.

Qalet li dan huwa eżerċizzju li se jwitti t-triq għal proġetti oħrajn fosthom li jsir studju dettaljat dwar u kif eventwalment għandu jinbena l-‘breakwater’.

Spjegat li serva wkoll għall-‘masterplans’ oħra meħtieġa fosthom dak tax-Xlendi, tar-Ramla l-Ħamra u ta’ Mġarr ix-Xini.

Justyne Caruana enfasizza li l-Ministeru jinsab konxju li dawn jirrikjedu investimenti kapitali sostanzjali iżda tinsab impenjata li ttejjeb u tgħolli l-prodotti Għawdxin.

More in Politika