Casa jitlob lill-Bank Ċentrali Ewropew jintervjeni fil-bank Pilatus

L-MEP Nazzjonalista qed jappella biex il-liċenzja tal-bank Pilatus tiġi revokata

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa talab lill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) sabiex jintervjeni u tiġi revokata l-liċenzja tal-bank Pilatus.

Casa talab l-intervent tal-ECB wara li appella lill-Awtorita tas-Superviżjoni u l-MFSA.

Fl-appell tiegħu, Casa qal li l-bank Pilatus jinsab fiċ-ċentru ta’ investigazzjonijiet li wettqet Daphne Caruana Galizia u saħaq li r-rapport tal-FIAU wera li l-klijenti tal-bank kienu persuni esposti politikament (PEP) mill-Ażerbajġan.

David Casa qal li minn investigazzjonijiet li kienet għamlet Caruana Galizia kien irriżulta li ħaddiem ta’ Accenture Strategy, li nnegozja f’isem Shangai Electric biex tinxtara l-power station tal-BWSC u parti mill-Enemalta, li kellu kont fil-bank Pilatus.

L-MEP Nazzjonalista appella lill-ECB biex juża l-poteri disponibbli biex tiġi revokata l-liċenzja lill-bank, speċjalment wara li l-Parlament Ewropew approva r-riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.

Filwaqt li qatt ma kien hemm dan it-tip ta’ preċedent, David Casa qal li l-Bord tas-Superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jagħmel użu mill-Mekkaniżmu tas-Superviżjoni u jintervjeni.

Fis-sena 2016 pajjiżna ġarrab l-umiljazzjoni qawwija li fi f’perjodu qasir ta’ 3 xhur irriżenjaw mill-karigi rispettivi tagħhom kemm il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar kif ukoll id-Direttur ta’ l-FIAU Dr Manfred Galdes. Dan kollu ma seħħx f’vacuum, iżda fid-dawl ta’ rapport tal-FIAU li jippunta is-swaba ta’ din l-istituzzjoni lejn indiviwdwi fis-saffi għolja tal-poter politiku Malti.

Is-Civil Society Network titlob għal rieda biex tkun stabbilita l-verità

Intant fi stqarrija s-Civil Society Network fakkar kif ftit tal-jiem wara l-elezzjoni ġenerali ta’ l-2017 'l-FIAU itterminat l-impjieg ta’ żewġ uffiċjali ewlenin tagħha, Jonathan Ferris u Charles Cronin. Dawn il-persuni kienu jmexxu l-financial analysis section u l-compliance section ta’ l-FIAU rispettivament. Is-Civil Society Network tinnota li t-tkeċċija ta’ dawn l-uffiċjali mill-FIAU seħħet fl-istess żmien li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien staqsa pubblikament jekk rapporti ta’ l-FIAU kienux inktibu bil-ħsieb li jkunu leaked.

Is-Civil Society Network qegħda pubblikament titlob lill-Ministru Edward Scicluna sabiex jinforma lill-poplu Malti jekk hu kellux xi forma ta’ involviment, imqar jekk involviment indirett, fid-deċiżjoni li jitkeċċew l-uffiċjali ta’ l-FIAU Jonathan Ferris u Charles Cronin bl-eżatt wara li tħabbar ir-riżultat ta’ l-aħħar elezzjoni ġenerali.'

Is-Civil Society Network tisħaq li l-poplu Malti jixraqlu li l-istituzzjonijiet tiegħu tassew joperaw fl-interess tal-ġid komuni u jagħmlu dak kollu li huwa meħtieġ sabiex tkun stabbilita l-verita’ fir-rigward tar-riżenji tal-Kummissarju Michael Cassar u Dr Manfred Galdes u t-tkeċċija ta’ Jonathan Ferris u Charles Cronin. Fil-fehma tas-CSN in-nuqqas ta’ rieda li tkun stabbilita l-verita’ dwar materji daqstant vitali jkollha isem wieħed: omerta istituzzjonali.

 

 

More in Politika